Left arrow Go Back

Diskors taS-S.T. il-Prim Imħallef Silvio Camilleri fl-okkażjoni tal-Ftuħ tas-Sena Forensi 2010-2011 u s-Seduta Inawgurali Tiegħu bħala Imħallef  - Qrati tal-Gustizzja, il-Belt Valletta – 1 t’Ottubru 2010

pr1789
Date Icon 01/10/2010

Eċċellenza,

Onorevoli Ministru tal-Ġustizzja,

Kollegi Imħallfin u Maġistrati,

Sur President tal-Kamra,

Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali

Nibdaqabel xejn, Sur Avukat, biex nirringrazzjak tal-awguri tiegħek. Nassigurak li għandi bzonnhom. Għax l-amministrazzjoni tal-ġustizzja qatt ma kienet inkarigu faċili għal ħadd. L-aspettativi huma dejjem ġustament kbar u li tissodisfahom hu diffiċli. M’għandix illużjonijiet dwar daqshekk. Iżda jien ċert li bil-għajnuna t’Alla, li qatt ma naqsitni, inkun nista’ nagħti l-kontribut tiegħi, nittama siewi u ta’ fejda, f’dan il-qasam mhux għal kollox ġdid għalija, iżda li issa rrid narah minn perspettiva oħra, u li l-awtoritajiet dehrilhom li għandhom jafdaw f’idejja.
Iżdaqabel ma ngħaddi sabiex naqsam miegħek xi ħsibijiet tiegħi dwar dan il-qasam ippermettili nesprimi xi ringrazzjamenti. M’għandix għalfejn nirringrazzja lill-Eċċellenza Tiegħu l-President, jew lill-Onorevoli Prim Ministru u lill-Ministru tal-Ġustizzja għaliex ġia` rringrazzjajthom. Għalkemm għadni m’inix ċert għamlulix xi pjaċir kbir b’din il-pożizzjoni l-ġdida li afdawni biha. Iżda għandi naħseb li dan m’għamluhx biex jagħmluli xi pjaċir iżda għaliex huma tal-fehma li hemm xi haġa fil-kwalitajiet tiegħi li tnissel fiduċja fihom li jien nista’ nagħti servizz utli lill-pubbliku f’dan il-qasam. Hu ta’ dan li jien irringrazzjajthom. Tal-fiduċja li urew fija.
Iżdallum nixtieq nirringrazzja b’mod parikolari lill-maħbubin marti u uliedi. Grazzi lil marti Grace tal-paċenzja bla limitu li dejjem ħadet u għadha tieħu bija u magħha niskuża ruħi tan-nuqqas ta’ attenzjoni tiegħi lejha matul is-snin, minħabba l-esiġenzi tad-doveri tiegħi. Grazzi lil binti Abigail (li hi binti l-kbira u llum ma setgħetx tkun hawn minħabba li kellha tattendi fuq ix-xogħol tagħha wkoll fis-servizz tal-pubbliku bħala occupational therapist, u hu permezz ta’ binti li għaraft kemm din il-professjoni ta’ occupational therapist jistħoqqilha ġieh u għarfien għall-ġid kbir li dawn il-professjonisti jagħmlu mal-pazjenti bla storbju u fis-skiet). Grazzi lil uliedi l-oħra Petra u Martha hawn preżenti llum.
Naħsebli għal widnejkom, Sinjuri, dawn il-kliem idoqqu xi ftit “soppy”.. Kieku kont il-Prim Imħallef Emeritus De Gaetano probabilment għall-kelma “soppy” kont insibilkom xi kelma bil-Latin li tinstema’ aktar grandjuża u solenni. Fil-każ tiegħi ikollkom tikkuntentaw b’“soppy”.  Kieku kont f’postkom naħseb kont naħsibha bħalkom. Iżda min isib ruħu fil-pożizzjoni tiegħi jħoss fil-profond tiegħu in-neċessita`, id-dover, li jagħti rikonoxximent pubbliku għall-inkonvenjenzi u waqtiet twal ta’ solitudini li jkollna nimponu fuq il-familja minħabba n-natura tad-doveri tagħna.
Nirringrazzja wkoll lill-genituri, Alla jagħtihomil-glorja tal-Ġenna. Kellhom huma wkoll jagħmlu ħafna sagrifiċċji sabiex jagħtuni l-edukazzjoni li rċevejt u fi żmien diffiċli ħafna għall-familja. Il-papa` tiegħi kien jaħdem mas-servizzi Ingliżi u jien bdejt l-edukazzjoni tiegħi Universitarja fi żmien ir-run down meta l-Universita’ kienet għadha bi ħlas. Tistgħu timmaġinaw x’piż kont għalihom dak iż-żmien. Il-ġenituri tiegħi b’danakollu ma eżitawx għal mument wieħed. Insistew li kelli nkompli l-istudji tiegħi. Il-mama` tiegħi kienet mara tad-dar sempliċi. Ta’ oriġini umili. Iżda kienet blata.
Nixtieqnirringrazzja wkoll lill-istaff kollu tal-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, tal-lum u dawk irtirati, li għinuni u appoġġjawni fil-qadi tad-dmirijiet tiegħi bħala Avukat Ġenerali u anki qabel. Impossibbli nsemmihom ilkoll u ma nixtieq insemmi lil ħadd in partikolari għaliex nonqos lejn l-oħrajn. Iżda ppermettuli nagħmel eċċezzjoni waħda u naħseb li dawk li ħadmu miegħi f’dak l-uffiċċju jiskużawni u jissimpatizzaw miegħi. Ma nistax ma nsemmix b’mod partikolari l-kollaborazzjoni leali, kostanti u disinteressata tal-allura Deputat Avukat Ġenerali, illum denjament l-Avukat Ġenerali Dott. Peter Grech. Grazzi Peter, u ċert li nista’ nserraħ moħħi mill-ko-operazzjoni tiegħek fil-qadi tad-dmirijiet ġodda tiegħi.

U fl-aħħar, iżda ċertament mhux l-inqas, nixtieq insellem lill-istaff personali tiegħi u lill-istaff kollu tal-Qorti, mill-ikbar sal-iżgħar, tas-servizz tagħhom fidil u ħabrieki lilna l-ġudikanti u lill-pubbliku. Naf li aħna l-ġudikanti ntendu nkunu esiġenti u forsi xi kull tant xi ftit pressanti fil-pretensjonijiet tagħna mingħandhom u forsi xi drabi ma nagħmlux sforz biżżejjed biex nifhmu l-problemi tagħhom u l-limitazzjonijiet u restrizzjonijiet li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum. Lili laqghawni b’idejhom miftuħa u ħadu paċenzja bija jispjegawli l-komplikazzjonjiet amministrattivi nterni fir-retroxena tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Forsi kont mgħaġġel wisq biex nitgħallem kollox fl-iqsar żmien possibbli u għafasthom iżżejjed biex jaqduni. Iżda ċert li ġia` ħafruli. Grazzi minn qalbi tas-servizz tagħkom li forsi mhux dejjem ġie apprezzat u rikonoxxut pubblikament.

Iżdaħa nirreaġixxi għal xi punti tad-diskors tiegħek Sur Avukat qabel ma ngħaddi biex insellem lill-President Emeritus Professur Guido de Marco li hu pjaċir u unur għalija li f’din l-okkażjoni tas-seduta inawgurali tiegħi qegħdin nikkommemoraw.
Ippermettili nistqarr li fuq punt wieħed ma naqbilxmiegħek Sur Avukat. Le. Jien bħala Avukat Ġenerali, u anki bħala avukat fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ma kontx dejjem inħoss li l-klient tiegħi, il-Gvern, dejjem għandu raġun. Mhux biss ma kontx inħoss li dan dejjem kien il-każ. Anzi kont inħossni fid-dover li ngħidlu li fil-fehma tiegħi ma kellux raġun. Naturalment id-deċiżjoni finali hi tal-klient. Iżda l-klient għandu dritt ikun informat dwar il-pożizzjoni legali korretta u jekk l-avukat hu konvint li l-klient m’għandux raġun, allura għandu d-dover jipperswadih li l-Qorti m’hix postu u li s-soluzzjoni għandha tinstab barra l-Qorti. Anki dan huwa parti mill-kontribut li l-avukat jagħti lill-effiċjenza tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Billi jfittex li ma jgħabbix lis-sistema tal-Ġustizzja bi kwistjonijiet li jistgħu, u għandhom, jiġu riżolti barra l-Qorti.
Jienfil-ftit kliem li ażżardajt ngħid fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħi għedt li bi ħsiebi nagħmel ħilti sabiex tikber l-effiċjenza fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. B’dan naturalment ridt infisser li ser nagħmel ħilti sabiex nara li l-Qrati tal-Ġustizzja jirrispettaw id-dritt ta’ kull persuna għal proċess fi żmien raġonevoli.
Nagħmilha ċara. Konvint li ma kontx oriġinalifil-għan li jien stabbilejt għalija nnifsi. Konvint li dan kien il-għan ta’ kull Prim Imħallef li ppreċedieni. U ma għandi ebda eżitazzjoni nistqarr li kjarament dan kien il-għan tal-Prim Imħallef Emeritus Vincent De Gaetano li ħadem bla heda biex jitwettaq dan il-għan. U li nirrikonoxxi li taħt id-direzzjoni għaqlija tiegħu saru passi kbar ’il quddiem b’miżuri innovattivi organizzattivi.
Iżdagħad hemm xi jsir. U naħseb jibqa’ dejjem xi jsir. Għad hemm lok għal meljorament. Evidentement, waħdi ma nistax nilħaq l-għan tiegħi. Anzi, kieku kelli nipprova nirrendi l-Qorti effiċjenti waħdi, apparti li nkun prużuntuż, dan kien ifisser li nkun qiegħed inkun ineffiċjenti għaliex ma nkunx qiegħed nagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi kollha tal-Qorti. L-effiċjenza fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja tista’ tintlaħaq biss bl-isforz u bil-kontribut komuni tal-operaturi kollha f’dan il-qasam. L-amministrazzjoni tal-ġustizzja m’hix il-kompitu ta’ dik il-persuna jew tal-oħra. Hija l-kompitu, id-dover ta’ kull min jieħu sehem f’dan il-qasam. L-effiċjenza tista’ tintlaħaq biss bl-isforz komuni tal-ġudikanti kollha flimkien, Imħallfin u Maġistrati; tal-Avukati, tal-Prokuraturi Legali; tad-deputati reġistraturi u tal-iskrivani, tal-messaġġiera u tal-marixxalli, tal-amministrazzjoni tal-Qrati: Diretturi Ġenerali, Diretturi Sezzjonali, Reġistraturi: kollha rridu naħdmu flimkien għal dan l-għan komuni. Il-ġudikatura trid taħdem f’armonija mal-personnel tal-amministrazzjoni. Irridu nifhmu l-problemi ta’ xulxin u ngħinu ‘l xulxin insolvuhom. Naturalment, xi ħadd irid jiddeċiedi. U l-awtorita` ta’ min lilu tispetta d-deċiżjoni trid tiġi rispettata. Iżda deċiżjoni mingħajr konsultazzjoni twassal għal deċiżjonijiet żbaljati. Twassal għal tensjoni bla bżonn u allura għal nuqqas ta’ ħeġġa. U rridu nirrealizzaw li n-nuqqas ta’ effiċjenza ta’ waħda minn dawn ir-roti ta’ ingranaġġ tnaqqas l-effiċjenza tas-sistema kollha a skapitu tal-persuni li aħna qegħdin hawn biex inservu.
Huwaminnu li l-effiċjenza tiddependi mir-riżorsi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ġudikanti u tal-amministrazzjoni tal-qrati. Iżda hemm ħafna x’nistgħu nagħmlu aħna lkoll, l-operaturi fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Ibda minni.
Naturalment waħdi ma nista’ nagħmel xejn. U dannemmen li hu l-qofol ta’ aktar effiċjenza fil-Qrati: l-aħjar użu tar-riżorsi kollha. U għalhekk irid ikun hemm riflessjoni fuq kif jista’ jsir dan l-użu aħjar. Nemmen li fundamentali għal dan il-għan hu dak li jissejjaħ “good case management” ... il-ġestjoni tajba tal-kawżi. Nemmen li l-liġi ġia` tipprovdi dawk il-mezzi neċessarja sabiex jippermettu l-ġestjoni tajba tal-kawżi b’mod li ma jkunx hemm dilungar mhux neċessarju fl-ipproċessar u konklużjoni tal-kawżi permezz ta’ sentenza. Li hu nieqes (li hemm bżonn) hu aktar dixxiplina fuqna nfusna... fuq kull wieħed u waħda minna li għandna dan l-inkarigu nobbli li umilment nagħtu dan is-servizz lil kull min jiġi għandna sabiex ifittex ġustizzja. Nirripeti, nibda minni.
Jeħtieġli nieqfu nwaħħlu f’kollox u f’kulħadd għad-dewmien ħlief fina nfusna. Hemm bżonn illi nieqfu milli nużaw is-sistema bħala alibi biex niskolpaw lilna nfusna min-nuqqasijiet tagħna. ˝A bad workman blames his tools˝: cliche` iżda vera. Hemm bżonn nieqfu u nirriflettu biex naraw jekk aħnix nagħmlu xi ħaġa ħażina.
Jienbħala Prim Imħallef jenħtieġ nistaqsi lili nnifsi għamiltx distribuzzjoni ekwa tax-xogħol ġudizzjarju b’mod li kullħadd ikollu volum ta’ xogħol simili x’jipproċessa u mhux min ġħandu ftit u min għandu wisq. Irrid nagħmel ħilti biex nassigura li kulħadd jagħti sehemhu, li s-seduti jsiru fid-dati appuntati, li s-sentenzi jingħataw, li l-ġudikanti jkollhom il-mezzi meħtieġa biex jaħdmu. Jekk nonqos minn dan inkun qed nikkontribwixxi għall-ineffiċjenza tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
L-Imħallfin (jien fosthom) u l-Maġistrati sħabikollha jridu jeżaminaw kemm-il darba ddiferew kawżi bla ma kien hemm raġuni xierqa, kemm-il darba assentew ruħhom bla ma avżaw lil ħadd bl-inkonvenjenza li dan joħloq lil kulħadd, kemm-il darba ddiferew seduti minħabba nuqqas ta’ ippjanar tax-xogħol, kemm-il darba iddiferew seduti għal dati li kienu jafu, jew messhom kienu jafu, li fihom kien ser ikollhom impenji oħra, kemm qegħdin ikunu ta’ tfixkil fix-xogħol tagħhom impenji privati jew uffiċjali oħra li m’għandhomx x’jaqsmu max-xogħol tagħhom ta’ ġudikanti, kemm-il darba ppermettew differimenti għaliex fid-data tas-seduta l-avukat ma deherx, ix-xhieda ma tħarrkux, in-nota tal-osservazzjonijiet ma ġietx preżentata. Jistgħu s-sentenzi ikunu iqsar biex jieħdu żmien anqas biex jiġu redatti?  L-assistent ġudizzjarju kellu għalfejn idum daqshekk biex jiġbor ix-xhieda jew biex jagħmel ir-riċerka li ordnalu l-Imħallef?
L-avukati għandhom ukoll responsabilita’ kbirafuqhom u qiegħed nħares ’il quddiem lejn il-ko-operazzjoni tagħhom ukoll. U nittama li ma ndumx wisq ma nilqa’ delegazzjoni mill-Kamra tal-Avukati u mill-Kamra tal-Prokuraturi Legali sabiex flimkien naraw kif dawn l-uffiċjali tal-Qorti jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied l-effiċjenza fil-qrati. Kieku kull avukat jidher puntwalment għal kull seduta, iħarrek ix-xhieda fil-ħin, jippreżenta fil-ħin in-nota li kellu jippreżenta, ma jirrikorrix għand il-Qorti għal differiment ftit żmien qabel l-appuntament tal-kawża għax irid isiefer jew minħabba xi impenn ieħor, dan kollu ċertament inaqqas konsiderevolment id-dewmien fl-ipproċessar tal-kawżi. Ma rridux ninsew li kull wieħed min-nuqqasijiet li semmejt jista’ jfisser xhur ta’ dilungar fiż-żmien tal-proċeduri. L-istess risponsabilita’ għandhom il-Prokuraturi Legali li jekk ma jħallsux in-notifiki, ma jivverifikawx ġewx notifikati x-xhieda u joħorġu n-notifiki ġodda tempestivament, jekk ma jippreżentawx dak ir-rikors kif kellhom jagħmlu, ukoll ħafna drabi jissarrfu f’dewmien mhux neċessarju ta’ xhur tal-proċeduri. L-istess japplika għat-traskritturi li jonqsu milli jittraskrivu d-depożizzjonijiet għas-seduta li jkun imiss, jew lill-marixxall li jonqos milli joħroġ jagħmel in-notifiki neċessarja, jew li ma jintaxxax kawża fi żmien utili sabiex is-sentenza tkun tista’ tiġi esegwita malajr.
U xingħidu għall-proċeduri kriminali? Hawn ukoll jien tal-fehma li ġestjoni aħjar tal-proċeduri għandu jgħin konsiderevolment l-andament tal-proċeduri. Il-Maġistrat għandu ma jħallix lill-prosekuzzjoni jew lid-difiża jtawlu l-proċeduri inutilment. M’għandux jippermetti differimenti ripetuti biex jinġiebu l-istess provi meta l-parti - prosekuzzjoni jew akkużat -  tkun naqset milli tipproduċihom. Il-ġudikant għandu flimkien mal-prosekuzzjoni u d-difiża jippjana kif ser jipproċedi bil-ġbir tal-provi u jżomm ma’ dak il-pjan. Għandu jagħmel minn kollox biex sentenza tingħata meta ġiet skedata li tingħata. Il-Maġistrat Istruttur għandu jfittex jagħlaq il-kumpilazzjoni bl-aktar mod komprensiv fil-perjodu inizjali u mhux jillimita ruħu filli jisma’ biss il-minimu tal-provi appena, appena neċessarja.  Għandu jistinka biex il-provi kollha jinstemgħu u mhux is-smiegħ ta’ dawn jiġu spezzettati u jinstemgħu bil-pezzi bokkuni f’perjodu ta’ xhur jew anki snin. L-uffiċjali tal-Avukat Ġenerali għandhom, fejn meħtieġ, jirrinvjaw l-atti tempestivament u mhux fl-aħħar jum, għandhom jagħrfu jiddistingwu bejn provi indispensabbli u oħrajn utili iżda mhux indispensabbli. Għandhom ikunu lesti jużaw il-mezzi li ġja` tipprovdi l-liġi biex jiġu spediti l-proċeduri.
Ma rridxli l-elenku li għamilt ta’ diversi nuqqasijiet biex nenfasizza l-kontribut li kull wieħed jista’ jagħti għal amministrazzjoni aktar effiċjenti tal-ġustizzja jħalli l-impressjoni falza li ma hemmx stejjer ta’ suċċess f’dan il-qasam. Għall-kuntrarju. Hemm ħafna stejjer ta’ suċċess iżda waqt li kull min kien vittma ta’ dewmien jilmenta minn dan, u jagħmel sew,  dawk li gawdew minn servizz effiċjenti jibqgħu siekta. Forsi dan hu dovut għall-fatt li dawn il-benefiċċjarji ta’ amministrazzjoni effiċjenti tal-ġustizzja ma jidrilhomx li għandhom għalfejn jgħidu xejn għaliex ħadu biss dak li għandhom dritt jistennew. U dan hu minnu wkoll. Iżda jibqa’ l-fatt li dan jagħti stampa distorta tar-realta`. Nassigurakom li l-Qrati m’humiex għaddejjin minn xi xalata. Mgħobbijin b’ħafna xogħol u n-numru ta’ kawżi dejjem jiżdied u dejjem isir aktar komplikat. U mhux dejjem ir-riżorsi disponibbli jiżdiedu b’mod korrispondenti maż-żieda fix-xogħol. Il-liġijiet jiżdiedu u jinbidlu b’ritmu mgħaġġel u l-ġudikanti jridu jżommu ruħhom kontinwament aġġornati ma’ dan it-tibdil u jkollhom jaħdmu siegħat twal kuljum u f’Sibtijiet, Ħdud u festi pubbliċi sabiex ilaħħqu max-xogħol tagħhom fi sforz li jagħtu servizz lill-pubbliku.
Fostl-istejjer ta’ suċċess fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ma nistax nonqos milli nsemmi lill-Imħallef Philip Sciberras li għal żmien twil ippresjeda fil-Qorti tal-Appell hekk imsejħa Inferjuri u li fi ftit ġranet oħra ser jirtira mill-Bank tal-Ġudikatura. Ippresjeda b’ħila u għerf u fuq kollox b’mod mill-aktar effiċjenti tant li informat li m’hux ser iħalli warajh kawżi pendenti u min jidħol warajh jibda from scratch. Storja oħra ta’ suċċess u minn hawn insellimlu.
L-għantiegħi kien biss li niġbed l-attenzjoni għal diversi kawżi ta’ dewmien li huma komuni aktar milli jmisshom ikunu u li jiddependu biss fuq l-operat tad-diversi ndividwi ko-involti fil-proċeduri ġudizzjarji. Dawn m’humiex nuqqasijiet “tas-sistema tal-Ġustizzja“. Dawn huma nuqqasijiet li jammontaw għal anti-sistema tal-Ġustizzja. Fir-rigward ta’ dawn in-nuqqasijiet m’għandha x’taqsam xejn is-sistema. Ma jiddependux minn riżorsi finanzjarji jew ta’ personnel jew xi tip ta’ riżors ieħor. Ir-responsabilita` għad-dewmien f’dawn il-każijiet taqa’ esklussivament fuqna, l-operaturi fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja: fuqi bħala Prim Imħallef, Imħallfin, Maġistrati, avukati, pulizija, u funzjonarji oħra. Nemmen li hemm ħafna, u ħafna meljorament li jista’ jsir jekk l-individwi konċernati sempliċement jagħmlu d-dover tagħhom u jekk min hu responsabbli għall-ġestjoni tal-proċeduri jassigura li l-individwi konċernati fil-fatt jagħmlu dak id-dover. Da parti tagħna l-ġudikanti rridu nimmaniġġjaw il-kawża u mhux inħallu l-kawża timxi waħedha bla direzzjoni jew, dak li hu forsi agħar, inħallu lil ħaddieħor jiddetta l-kors tal-proċeduri.
Dan kollu jfisser li l-ġudikatura wkoll hi obbligatali tagħti kont tal-imġieba tagħha. Mhux biss fit-tmexxija tal-proċeduri ġudizzjarji iżda wkoll tal-komportament tagħha fil-ħajja pubblika u soċjali.  Il-protezzjoni għolja li l-Kostituzzjoni tagħna tagħti lill-ġudikatura fil-qadi ta’ dmirijietha mhux privileġġ lill-ġudikatura iżda privileġġ se mai lill-pubbliku għaliex dak il-ħarsien tal-indipendenza u l-imparzjalita` tal-ġudikatura huwa għall-benefiċċju tal-pubbliku biex tiġi assigurata li ssir ġustizzja miegħu u sabiex il-pubbliku jkollu s-serħan tal-moħħ li dan qed isir. Għalhekk l-indipendenza tal-ġudikatura ma tfissirx indipendenza mir-regoli etiċi u ta’ mġieba korretta u ta’ dixxiplina ntiżi sabiex ibiegħdu lill-ġudikatura minn kull dell ta’ perċezzjoni żbaljata ta’ nuqqas ta’ imparzjalita`. L-indipendenza ma tfissirx tagħmel li trid, li tidħol għax-xogħol meta trid, li tassenti ruħek mingħajr ma tavża lil ħadd. Dik m’hix indipendenza. Dik żvalutar tal-valur tal-indipendenza.
Għalhekkinħolqot il-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li jien membru tagħha. Fost il-kompetenzi tagħha, l-Kummissjoni għandha l-funzjonament aktar effiċjenti tal-Qrati. Il-Kummissjoni għalhekk inħolqot ukoll sabiex l-Avukati u l-Prokuraturi Legali kif ukoll il-ġudikatura jagħtu kont tal-għemil tagħhom fejn meħtieġ. Din hi organu kostituzzjonali u għalhekk jeħtieġ li l-kompetenzi tagħha jiġu rispettati u d-direzzjonijiet tagħha osservati anki jekk wieħed ma jaqbilx magħhom. Bħal mal-ġudikant, bħala awtorita` kostituzzjonali, għandu kull dritt jippretendi li d-deċiżjonijiet tiegħu jiġu segwiti u rispettati anki jekk il-milquta ma jaqblux magħhom, hekk ukoll għandhom jiġu segwiti d-direzzjonijiet tal-Kummissjoni. Fejn si tratta tal-ġudikatura, l-liġi ma tipprovdix għal xi sanzjonijiet partikolari jekk id-direzzjonijiet tal-Kummissjoni ma jiġux osservati. Dan ma jfissirx li allura dawk id-direzzjonijiet ma jorbtux, iżda hu hekk għaliex il-Kostituzzjoni tippretendi li, tenut kont li tali direzzjonijiet ikunu immirati lejn membri tal-ġudikatura, m’hemmx bżonn ta’ theddid ta’ sanzjonijiet sabiex id-destinatarji jottemporaw ruħhom ma’ dawk id-direzzjonijiet.
Illumgħaddew kważi sittax-il sena minn mindu ġiet imwaqqfa l-Kummissjoni u forsi wasal iż-żmien li l-leġislazzjoni relevanti tiġi ri-eżaminata għaliex jidher li wasal il-waqt li kwistjonijiet bħall-funzjonament aktar trasparenti u aktar effettiv tal-Kummissjoni jiġu ndirizzati u diskussi mill-ġdid fid-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni matul iż-żmien. Jista’ jkun li wieħed jirri-afferma l-pożizzjonijiet oriġinali iżda jidher li wasal iż-żmien li jkun hemm valutazzjoni tal-operat tal-Kummissjoni. Il-pubbliku jistenna ħafna mingħand il-Kummissjoni u jirrikorri għandha għal sodisfazzjon u l-Kummissjoni tagħmel ħafna xogħol li, iżda jibqa’ mistur minħabba regoli ta’ konfidenzjalita`. Jien tal-fehma li jenħtieġ li jsir studju dwar kif il-Kummissjoni tista’ tiġi msaħħa sabiex jikber il-kontribut tagħha fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Kelliħsibijiet oħra li xtaqt naqsam magħkom. Iżda l-ħin ma jippermettix u ma rridx li ndejjaqkom b’diskorsi twal. Dan ġia` kien twil aktar milli xtaqtu. Inħallu xi ħaġa għal darb’oħra. Illum forsi lill-Onorevoli Ministru tal-Ġustizzja tajthielu frank għaliex ridt niffoka fuq dak li nistgħu nagħmlu aħna lkoll, flok fuq dak li nistennew mill-Ministru. Dak għal okkażjoni oħra. Ħjiel ta’ x’jista’ jkunu l-kwistjonijiet inti, Sur Avukat, ġja` aċċennajt għalihom fid-diskors tiegħek. Nista’ nżid il-ħtieġa li jissaħħu r-riżorsi tal-librerija tal-Qorti li fil-fehma tiegħi hi ferm ‘il bogħod minn kif għandha tkun attrezzata tali librerija u l-fondi assenjati għaliha huma għal kollox inadegwati. Nixtieq li nindirizzaw is-sitwazzjoni tal-assistenti ġudizzjarji u naraw kif il-prestazzjoni tagħhom tista’ titjieb u kif nistgħu nestendu dan is-servizz ukoll lill-Maġistrati li x-xogħol tagħhom immoltiplika b’rata prodiġjuża. Ċertament niskopri kwistjonijiet oħra aktar ma ngħaddi żmien fil-kariga li għandi.

Did-darba lill-Onorevoli Ministru tajtu ftit nifs. Iżda aħjar ilesti ruħu għal darb’oħra.

U issa, ma jidhirlix li nista’ nagħlaq dan id-diskors tiegħi aħjar milli nfakkar wieħed mil-luminarji l-aktar brillanti tal-avukaterija f’Malta: il-mibki --- u minix nuża xi fjuritura letterarja, iżda espressjoni ta’ realta` li rajnieha u missejniha lkoll b’idejna --- iva, il-mibki President Emeritus Professur Guido de Marco. Verament insibha diffiċli nagħmel ġustizzja mal-Professur de Marco wara l-kliem sabiħ u meritat li inti esprimejt dwaru fil-kors tad-diskors tiegħek.

Il-Professurde Marco iddistingwa ruħu f’kull kariga li hu okkupa matul ħajtu fis-servizz tal-poplu Malti. Kien avukat penali mill-aqwa li ma nafx jekk qatt rajniex bħalu u ma nafx meta nerġgħu naraw bħalu. Kien lecturer ta’ l-Universita` b’kapaċita` kommunikattiva rari u kien iżomm l-interess tal-istudenti bl-eżempji u inċidenti li kien jislet mill-esperjenza professjonali twila tiegħu fil-Qorti Kriminali. Jien għadha tidwen f’widnejja l-vuċi reżonanti tiegħu f’dik l-Awla li kienet iżżomm għajnejn il-ġurati msammrin fuqu msaħħrin bl-oratorija tiegħu. Kien Membru Parlamentari, Ministru u Viċi Prim Ministru qalbieni u mill-aktar ħabrieki u ħadd ma jista’ jinsa kemm ħadem u stinka bla heda sabiex Malta tieħu postha fl-Unjoni Ewropea. Ċertament ħa jibqa’ mfakkar għal ħafna doni li Alla l-Imbierek għoġbu jżejnu bihom; iżda naħseb li fuq kollox ħa jibqa’ mfakkar bħala l-Politiku tal-Persważjoni. Kien President ta’ Malta li għamel ġieħ lill-Presidenza u lil Malta.
Jienkelli x-xorti li ħdimt miegħu mill-qrib fil-karigi kollha li semmejt u dejjem sibtu persuna ġenjali li kif jaf kulħadd, f’kull ċirkostanza ta’ żmien u ta’ post, anki meta saħħtu kienet majnat, dejjem kien jilqek bi tbissima sinċiera li ma setgħetx tonqos milli tiġġenera l-istess tbissima f’kull min jaraha. Kien persuna ta’ min tammira iżda personalment jien ammirajtu l-akar mhux meta kien fiżikament fl-aqwa tiegħu iżda meta saħħtu kienet iddeterjorat u kont narah jibqa’ jitla’ l-Universita` regolarment biex jagħti l-lectures lill-istudenti. Meta minkejja l-problemi anki loġistiċi li kien ikollu kien baqa’ jivvjaġġja bla ma jaqta’ qalbu sabiex jaqsam ħsibijietu ma’ oħrajn, lil hinn minn xtutna fejn kien rispettat kif urew id-diversi messaġġi ta’ kondoljanzi minn diversi personalitajiet distintinti minn madwar id-dinja. F’dak il-perjodu ammirajt l-apprezzament tiegħu lejn is-sbuħija tal-ħajja. Kien determinat li jgħix ħajtu “to the full”. Baqa’ ottimist sa’ l-aħħar.
Il-Professurde Marco għamel gieħ lil Malta u Malta għandha għal xiex tkunlu grata. Għalhekk jien ningħaqad miegħek filli nsellimlu u nuri l-gratitudini tagħna lkoll lejh.
Grazzi li onorajtuni bil-preżenza tagħkom unirringrazzjakom tal-paċenzja li ħadtu tisimgħuni. Jien, flimkien ma’ sħabi l-Imħallfin u l-Maġistrati, magħqudin fir-riżoluzzjoni tagħna li bl-għajnuna t’Alla nkomplu nkunu ta’ servizz lilkom u lill-poplu tagħna.

Grazzi.

Is-seduta hija aġġornata.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  “Meta nappoġġjaw persuna b’diżabilità, irridu nkunu hemm għall-familja kollha” – Il-Ministru Julia Farrugia

PR261993

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

PR261992

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

More Press Releases Right arrow