Left arrow Go Back

DISKORS TAL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI,  MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN WAQT IL-KONFERENZA STAMPA DWAR IL-PUBBLIKAZZJONI TAL-ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR IL-PROTEZZJONI TA’ MIN JIŻVELA INFORMAZZJONI LI TKUN PROTETTA; U L-ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA KAP 326

pr1786
Date Icon 30/09/2010

Il-Ħamis, 30 ta’ Settembru 2010 - Sala tal-Ambaxxaturi, Berġa ta’ Kastilja, Valletta

Onor. Prim Ministru,

Sinjuri.

Sernipprova nelenka numru ta’ punti importanti sabiex nispjega l-kontenut ta’ dawn iż-żewġ liġijiet verament importanti li huma mmirati sabiex ikomplu jissudaw l-istrutturi demokratiċi tagħna.
L-“Attdwar il-Protezzjoni ta’ Min Jiżvela Informazzjoni li tkun Protetta” huwa intenzjonat sabiex jipprovdi direttament l-ogħla protezzjoni legali possibbli għal dak l-impjegat li jikxef u jirrapporta prattiċi mhux xierqa.
Għal dakl-impjegat li jersaq sabiex jirrapporta li hemm prattiċi mhux xierqa, jiġifieri meta persuna naqset, qegħda tonqos jew x’aktarx li tkun ser tonqos milli tħares kull obbligu legali li hija soġġetta għalih; meta s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull individwu kienet, qegħda jew x’aktarx li ser tkun fil-periklu; meta l-ambjent kollu għandu jew x’aktarx ser ikollu ħsara, atti ta’ korruzzjoni, reat kriminali li seħħ, qiegħed iseħħ jew x’aktarx li ser iseħħ; nuqqas ta’ ġustizzja li seħħet, qegħda sseħħ jew x’aktarx li ser iseħħ; allura huwa jingħata l-protezzjoni ta’ din il-liġi.  Jingħata l-protezzjoni kontra xi forma ta’ aġir detrimentali li jista’ jiġi nflitt lura fuqu bħala tpattija talli kellu l-kuraġġ li jersaq ‘il quddiem u jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet b’dawk il-prattiċi mhux xierqa.
Għalhekk, il-liġi qegħda tipproteġi lil dakl-impjegat minn aġir li permezz tiegħu huwa jista’ jiġi soġġett għal xi forma ta’ azzjoni dixxiplinarja jew jiġi akkużat li kiser xi forma ta’ regola ta’ etika jew kunfidenzjalità; jew li jiġi mkeċċi, sospiż jew żgradat; jew li jiġi trasferit kontra l-volontà tiegħu jew jiġi miċħud trasferiment jew promozzjoni; jew li jiġi soġġett għal terminu jew kundizzjoni tal-impjieg jew irtirar li tinbidel jew tinżamm mibdula bi żvantaġġ għalih; jew li jiġi mċaħħad minn referenza jew jingħata referenza ħażina minn prinċipal; jew li ma jitħalliex jiġi appuntat f’xi impjieg, professjoni jew uffiċċju; jew b’xi mod ieħor jiġi effettwat ħażin fir-rigward tal-impjieg professjonali jew uffiċċju tiegħu.
Il-liġiqegħda għalhekk tagħti strument legali ġdid li permezz tiegħu impjegat għandu issa mekkaniżmu protett li bih dak li qiegħed jara li qiegħed isir ħażin fuq il-post tax-xogħol jirrapportah mingħajr konsegwenzi għalih.  Sabiex naraw li l-liġi titħaddem sat-truf kollha possibbli tad-dinja tax-xogħol, inkludejna lista estensiva ta’ dak li huwa kkunsidrat bħala “impjegat” ai termini tal-liġi.
Għalhekk, “impjegat” huwa kull persuna li tkungħamlet jew taħdem taħt kuntratt ta’ servizz ma’ prinċipal u tinkludi kuntrattur jew sub-kuntrattur li għamel xogħol jew jagħti servizz; jew li jkun intrabat li jagħmel xi xogħol jew jagħti xi servizz; jew kull persuna li tkun intrabtet personalment li tagħmel xi xogħol jew ħidma għal ħaddieħor u taħt id-direzzjoni u l-kontroll immedjat ta’ persuna oħra, u tinkludi ħaddiem ta’ barra, kull persuna impjegata fl-amministrazzjoni pubblika, inklużi dawk li huma membri ta’ korp dixxiplinat jiġifieri l-Forzi Armati ta’ Malta, l-Korp tal-Pulizija u s-servizzi tal-ħabs; kull pesuna li kienet impjegata hemm qabel, kull persuna li hi jew kienet sekondata mill-prinċipal u kull voluntier skond l-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji.
L-għantal-liġi huwa li jipproteġi lil dawn il-kategoriji varji ta’ impjegati kontra kull forma ta’ aġir detrimentali mhux biss fuq il-post tax-xogħol, imma anki mill-aspett tad-dritt ċivili u kummerċjali.  Dan ifisser li ebda passi kriminali jew ta’ kull liġi oħra ma għandhom jittieħdu kontra dik il-persuna li tuża l-mekkaniżmi ta’ din il-liġi għall-iżvelar protett u għalhekk ma għandhiex tiġi soġġetta għall-proċeduri ċivili, kriminali jew dixxiplinarji.  Dan però ma jfissirx li hija xi forma ta’ immunità meta dik il-persuna stess tkun hija l-awtur jew il-kompliċi fil-prattika mhux xierqa u li tikkostitwixxi reat jew kontravvenzjoni taħt xi liġi applikabbli qabel l-iżvelar ta’ dik il-prattika mhux xierqa. Hemm, jekk f’ċerti każijiet ikun ġustifikat, il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni tara jekk ai termini tal-artikolu 19 tirrakkomanda li ma jittieħdux passi.
Il-liġiallura qegħda ġġib il-konsegwenza li kull organizzazzjoni, kull post tax-xogħol jaħtar u jkollu għad-disposizzjoni tal-impjegati kollha uffiċjal, uffiċċju fejn dawn ir-rapporti jitressqu.  Dawn ir-rapporti jistgħu jiġu rettifikati mill-ewwel b’mod intern u l-impjegat għandu, fuq naħa d-dritt li jkun jaf x’ġara mir-rapport tiegħu u fuq in-naħa l-oħra li jiġi protett billi l-identità tiegħu ma tiġix mikxufa minn dan l-uffiċjal inkarigat sabiex imexxi dawn ir-rapporti.  Mhux biss, imma meta jew ma hemmx uffiċċju intern, inkella sar rapport u s-sitwazzjoni ma ġietx rimedjata jew li l-kap tal-organizzazzjoni huwa jew ser ikun involut fil-prattika mhux xierqa, jew li hemm raġunijiet ta’ urġenza jew xi ċirkostanzi eċċezzjonali jew li l-evidenza li turi li din il-prattika mhux xierqa x’aktarx ser tinħeba jew ser tkun meqruda, allura hemm, dak l-impjegat huwa ġustifikat bil-liġi li jmur għand l-awtoritajiet esterni li fihom huwa jressaq direttament l-ilment tiegħu u dawn għandhom fuqhom l-obbligi li jieħdu passi u azzjoni sabiex dawn il-prattiċi mhux xierqa jiġu rettifikati.
Għalhekkil-liġi qegħda tipprovdi lil dak l-impjegat li huwa in buona fede u li jemmen b’mod raġjonevoli li l-informazzjoni li qed jikxef u kull allegazzjoni fiha huma sostanzjalment veri, li l-informazzjoni żvelata x’aktarx turi li tkun qed isseħħ prattika mhux xierqa mill-prinċipal, impjegat ieħor jew li ma jkunx qed jagħmel dan l-iżvelar għall-finijiet ta’ gwadann personali, allura għandu jingħata l-protezzjoni legali kollha.
Il-liġitħajjar liċ-ċittadin onest jersaq 'il quddiem u jagħmel użu minn din il-liġi għax fiha l-vantaġġi kollha.  Il-liġi però ma tagħtix protezzjoni lil min jagħmel rapporti li hu jaf diġà li huma foloz, anqas lil min jirrikorri għal rapporti anonimi.  Dawn il-persuni ma jkollhomx il-benefiċċju tal-liġi, għax l-iskop sħiħ tagħha huwa dak li tagħti protezzjoni lil min jersaq fil-beraħ u jara li l-liġi tiġi rispettata.
Sabiexnagħtu l-aqwa protezzjoni possibbli, daħħalna numru ta’ miżuri legali oħra, li permezz tagħhom nassiguraw li min jagħmel użu minn dawn il-miżuri jiġi protett bl-aħjar mod fuq il-post tax-xogħol tiegħu wara li jkun għamel użu mid-drittijiet tiegħu ta’ ċittadin liberu u b’intenzjonijiet tajba.
F’danil-kuntest qed jiġu mdaħħla s-segwenti passi: l-ewwel, min jara li ser jiġi f’pożizzjoni li jiffaċċja aġir ta’ detriment kontra tiegħu fuq il-post tax-xogħol, jiġifieri jkun ser jiġi vittimizzat, trasferit, eċċ minħabba l-fatt li għamel dan ir-rapport jista’ jitlob lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili sabiex terġa’ tqegħdu fil-pożizzjoni li kien fiha qabel; it-tieni, li jekk diġà qed jara li l-passi ser jittieħdu għandu dritt li jitlob il-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni speċjali li permezz tiegħu huwa jżomm lil min iħaddmu milli jaġixxi kontra tiegħu u dan il-mandat m’għandux bżonn li jiġi segwit b’kawża wara, imma jibqa’ hemm sakemm il-Qorti tiddeċiedi fiċ-ċirkostanzi; it-tielet, li l-persuna li tħossha li ġiet aggravata jew li setgħet sofriet azzjoni ta’ detriment għandha d-dritt li tippreżenta kawża għad-danni kemm materjali, kif ukoll morali u r-raba’, qed indaħħlu wkoll li l-persuna protetta taħt dan l-Att u li trid tipproċedi kif ġja għidt, ma tħallas ebda forma ta’ spejjeż legali marbuta mar-Reġistru tal-Qorti, salv dawk tal-konsulent legali tiegħu.
Permezzta’ dawn il-miżuri jidhrilna li erġajna ħadna l-aħjar li stajna mil-leġislazzjoni kurrenti sabiex nassiguraw li dan l-Att jaħdem u jkun l-għodda legali li rridu.
Fl-istess ħin qegħdin nemendaw l-Att dwaril-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, il-Kap. 326 tal-liġijiet tagħna, li kien daħal fis-seħħ nhar l-4 ta’ Ottubru 1988, tnejn u għoxrin sena ilu.  F’dawn is-snin daħlu madwar erba’ mitt każ li ġew investigati mill-Kummissjoni u r-rapporti tagħha tqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati għall-konsiderazzjoni tal-istess Parlament u tal-poplu.  Barra minn hekk, il-Kummissjoni, kull l-aħħar tas-sena tippreżenta rapport fuq il-ħidma tagħha lill-President ta’ Malta.  Kull każ ġie debitament investigat bil-mezzi għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni.
Wara danil-perjodu ta’ żmien dehrilna li għandna naraw li l-Kummissjoni, li wettqet u għadha qed twettaq ħidma salutari għas-soċjetà demokratika tagħha, tiġi emendata f’numru ta’ punti u tikbrilha l-firxa ta’ ħidmietha u jiżdidulha l-istrumenti u l-poteri għad-disposizzjoni tagħha.
Iridjingħad li l-mira prinċipali tal-liġi kienet oriġinarjament dik li tassigura mekkaniżmu ta’ investigazzjoni fil-konfront tas-settur pubbliku.  L-uffiċjali pubbliċi, persuni li għandhom karigi pubbliċi, persuni maħtura sabiex jaġixxu f’xi kariga – ċivili u militari, u kull persuna oħra li hija fdata bi, jew li għandha funzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-amministrazzjoni, kienu l-persuni li fuqhom l-Att għandu kontroll.  Għalhekk, l-atti ta’ korruzzjoni kienu dawk marbuta mas-settur pubbliku, kif jirriżulta fl-artikolu 6 tal-Att prinċipali.
Għalkemmhemm min jipprova jċekken is-saħħa u l-effettività ta’ din il-Kummissjoni, din fir-realtà tal-liġi għandha s-snien legali.  L-artikolu 19 tal-Att jagħti diġà d-dritt lill-Kummissjoni li tirrakkomanda u titlob lill-Avukat Ġenerali sabiex persuna jew persuni li huma nvoluti f’atti ta’ korruzzjoni, però li jistgħu jkunu strumentali sabiex jinqabad ħaddieħor, jingħataw ċertifikat li jeżentahom milli jittieħdu proċeduri kriminali kontra tagħhom.
Danxorta, fl-opinjoni tagħna, ma għandux iżommna lura milli nagħmlu passi oħra.  Passi li fir-realtà qegħdin jibdlu n-natura tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u dan bis-segwenti:-
a)Li l-għan tal-liġi mhux ser jibqa’ dak li jinvestiga atti ta’ korruzzjoni kommessi mis-settur pubbliku biss imma issa wkoll f’dak privat, sija fil-kapaċità personali kif ukoll għall-persuni ġuridiċi, u għalhekk qed jiġu emendati numru ta’ disposizzjonijiet tal-Att prinċipali.
b)Li l-artikoli 121A sa 121E tal-Kodiċi Kriminali, li ġew introdotti fis-sena 2002 u emendati fis-sena 2007 billi żiedu mar-reati kontra l-korruzzjoni u li permezz tagħhom daħlu r-reati ta’ persuni li jużaw l-influwenza li jkollhom bħal meta wieħed iwiegħed, jagħti jew joffri, sew dirett sew indirett xi vantaġġ mhux xieraq, ir-reati marbuta mal-kontabilità, dawk relattivi għal diretturi, managers, segretarji jew uffiċjali prinċipali ta’ kapi ġuridiċi jidħlu huma wkoll bħala parti mill-artikolu 6 li jistipula x’inhuwa att ta’ korruzzjoni.
ċ)Li jiġi maħtur Prosekutur Speċjali li jkollu l-funzjoni li jassisti lill-Kummissjoni fil-funzjonijiet tagħha, liema persuna għandha tkun jew avukat li ilu seba’ snin jipprattika, inkella persuna mill-Korp tal-Pulizija li ilha tokkupa l-kariga ta’ għall-inqas Supretendent għal mhux inqas minn seba’ snin u li ma jkollhiex interessi kummerċjali f’kumpanniji jew soċjetajiet.  Il-Prosekutur Speċjali għandu l-funzjoni li jagħmel rapporti lill-pulizija, li jara li dawn jittieħdu l-passi fuqhom, inkluż id-dritt li jippreżenta challenge u li jsegwi huwa direttament il-proċeduri tal-każ ai termini tal-artikolu 410 tal-Kodiċi Kriminali.
Dawnl-emendi ser ikomplu jissudaw lill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni għax għalkemm jidher li kien hemm min tħajjar li jneħħiha, fl-opinjoni tal-Gvern dan kien ikun żball għax kienet tkun qed titneħħa għodda importanti, effikaċi u determinanti fil-ġlieda kontra l-illegalità u l-korruzzjoni.
Dawniż-żewġ liġijiet huma passi oħra fid-direzzjoni t-tajba: dik li tkompli tattakka l-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel.  Dan determinati li nkomplu nagħmluh għax kif jixhdu d-diversi liġijiet li saru tul dawn l-aħħar għoxrin sena, irridu u nemmnu li permezz tat-trasparenza u l-akkontabilità pubblika jiżdied it-tessut demokratiku, jikber il-ġid ekonomiku u tikber il-ġustizzja soċjali.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  “Meta nappoġġjaw persuna b’diżabilità, irridu nkunu hemm għall-familja kollha” – Il-Ministru Julia Farrugia

PR261993

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT “Meta nappoġġjaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

PR261992

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA

More Press Releases Right arrow