Left arrow Go Back

GĦALL-EWWEL DARBA JINGĦATA L-PREMJU ĦADDIEM TAS-SENA FL-ISPTAR ĠENERALI TA’ GĦAWDEX

pr1651
Date Icon 11/09/2010
Fuq inizjattivatal-Kumitat tal-Attivitajiet Soċjali u Kulturali fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ġie mwaqqaf il-premju Ħaddiem tas-Sena, li għall-ewwel darba ġie mogħti waqt serata li ġiet organizzata mill-amministrazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex li kienet imtellgħa ġewwa l-ġonna ta’ l-istess sptar fir-Rabat Għawdex.
Matul din l-attività,il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ppreżentat ċertifikati lill-impjegati li ġew innominati minn sħabhom wara li nħarġet applikazzjoni aktar kmieni din is-sena. Ġie maħtur kumitat tal-għażla li wara li evalwa n-nominazzjonijiet ħa d-deċiżjoni finali. Il-Ministru Giovanna Debono mbagħad ippreżentat ukoll il-premju Ħaddiem tas-Sena 2009 lis-Sur Charlie Borg li jaħdem bħala Health Assistant fis-Sala Ġenerali tal-Irġiel, wara li tħabbar miċ-chairperson tal-Kumitat tal-għażla t-tabib Martin Cutajar. Filwaqt li faħħret din l-inizjattiva l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex awgurat li dan il-premju jibqa’ jingħata fuq bażi annwali fis-snin li ġejjin. Hija għamlet referenza għal fatt li x-xogħol jagħti dinjità lill-persuna u tenniet ukoll li l-ħaddiem jagħti dinjità lix-xogħol tiegħu permezz ta’ mpenn u dedikazzjoni. Dan jgħodd b’mod partikolari f’servizzi fejn huma nvoluti persuni li jkunu għaddejjin minn mard jew zminijiet diffiċli.
Il-Ministru spjegatkif l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jaqdi diversi funzjonijiet fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex u kif dawn ġew miżjuda u mtejba matul il-ħamsa u tletin sena li ilu jopera. Il-Ministru semmiet diversi proġetti li saru f’dawn l-aħħar snin biex komplew jiżdiedu servizzi ġodda fosthom it-twaqqif ta’ taqsima tal-ġinekoloġija u tal-Hyperbaric Unit. Minbarra li ġew ristrutturati swali u taqsimiet oħra bħal dik ta’ l-emerġenza, tal-maternità, il-kċina u s-sala tal-ikel għall-ħaddiema ġie demolizzat l-inċineratur u tbiddlu partijiet mis-saqaf li kienu magħmula minn materjal magħmul mill-asbestos. Il-Ministru semmiet ukoll ix-xogħol li għaddej bħalissa f’dan l-isptar marbut ma’ proġett ko-finanzjat minn fondi Ewropej li permezz tiegħu ser jiżdiedu s-servizzi fit-taqsima tar-radjoloġija ġewwa dan l-isptar filwaqt li ser tiġi ristrutturata t-tieni sala tal-operazzjonijiet.
F’diskorsi oħra lisaru waqt din is-serata mis-Sur Paul Buttiġieġ, iċ-chairperson tal-Kumitat tal-attivitajiet Soċjali u Kulturali fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, mis-Superintendent Mediku tal-Isptar Dr. Anthony Livori, u miċ-chairman tal-Bord tal-għażla Dr Martin Cutajar, ġiet innotata r-relevanza tal-kwalità tal-ħidma tal-impjegati kollha fil-qasam tas-saħħa biex verament tkun tista’ tingħata kura ħolistika lill-pazjenti. Dan jgħodd għal dawk li jokkupaw mill-ogħla sal-inqas grad kemm fil-qasam mediku u amministrattiv kif ukoll f’oqsma tekniċi jew servizzi oħra fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Matul din is-serataġew imfakkra tliet ex-impjegati tal-isptar li ġew nieqsa matul is-sena 2009, filwaqt li mpjegati oħra li rtiraw mis-servizz matul l-istess sena ġew ippreżentati b’tifkira. Ġiet ippreżentata wkoll tifkira lit-tim tal-futbol rebbieħ tat-turnament tal-futbol li sar bejn il-ħaddiema tal-isptar, li kien ukoll organizzat fuq inizjattiva tal-Kumitat Attivitajiet Soċjali u kulturali.
Is-serata kienetimżewqa b’siltiet mużikali mill-Island Brass Band, bi preżentazzjoni awdjo-viżiva dwar l-istorja tal-Isptar Ġenerali. Kien hemm ukoll kant mis-Sur Teddie Zammit u qari ta’ poezija tal-okkazjoni mis-Sur Mario Borg, li t-tnejn huma mpjegati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow