IL-BAJJA TAX-XLENDI ĊĊERTIFIKATA TAJBA GĦALL-GĦAWM
pr1455
07/08/2010
| Wara li | saru testijiet mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, ġie stabbilit li l-bajja tax-Xlendi issa hija nieqsa minn sinjali ta’ kontaminazzjoni u għalhekk il-baħar f’din il-bajja reġa’ ġie meqjus bħala tajjeb għall-għawm. |
| Dawn | it-testijiet saru wara li t-Tnejn filgħaxija ntlaqgħat aċċidentalment ir-rising main il-qadim tas-sistema tad-drenaġġ waqt li kien għaddej ix-xogħol fil-proġett ta’ rikostruzzjoni tat-triq prinċipali tax-Xlendi. Il-Ministeru għal Għawdex ikkoordina ħidma flimkien ma’ riżorsi minn entitajiet oħra f’Għawdex biex id-drenaġġ ġie mwaqqaf milli jkompli nieżel għal bajja. Saret ukoll ħidma biex ġiet imnaddfa u diżinfettata t-triq filwaqt li nħarġu avviżi biex sakemm toħroġ stqarrija oħra l-għawwiema jevitaw li jgħumu fin-naħa ta’ ġewwa tal-bajja. Il-proċedura stabbilita biex tiddetermina il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm tgħaddi fuq proċess ta’ tlett’ijiem li matulhom jittieħdu kampjuni biex jiġu ttestjati kuljum. Ir-riżultat isir magħruf ladarba jkunu għaddew it-tlett’ijiem. |
| Issa li | l-Awtorità għas-Saħħa Pubblika ħabbret ir-riżultat ta’ dawn it-testijiet, il-Ministeru għal Għawdex jixtieq javża li din il-bajja issa hija tajba għall-għawm. Minkejja li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq ir-rikostruzzjoni tat-triq prinċipali tax-Xlendi, li ser ikun qed jiġi mwettaq permezz ta’ ko-finanzjament minn fondi Ewropej, triq oħra li tgħaddi mill-Munxar qed toffri aċċess alternattiv għal din il-bajja. Fil-ġimgħat ta’ qabel l-għeluq tat-triq prinċipali, il-Ministeru għal Għawdex wettaq xogħlijiet fuq ir-rotta alternattiva sabiex ikun żgurat l-aċċess kontinwu għal din il-bajja. Sadanittant il-proġett tal-bini mill-ġdid tat-triq prinċipali ser ikun jinkludi l-bdil tas-servizzi qodma li għaddejjin mit-triq u ser issir ukoll installazjoni ta’ sistema ġdida ta’ lqugħ ta’ ilma tax-xita li jinżel f’volum qawwi fix-xitwa. |
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990