UFFIĊĊJU TAL-AWDITUR ĠENERALI: MALTA’S RENEWABLE ENERGY CONTINGENT LIABILITY: POTENTIAL COSTS RELATING TO THE NON-ATTAINMENT OF THE EU’S MANDATORY 2020 TARGETS
L-Awditur Ġenerali rrapporta lill-Parlament dwar il-kontinġenza li tista’ tinqala’ (contingent liability) f’każ li Malta ma tilħaqx il-miri obbligatorji kif stipulati fid-Direttiva 2009/28/EC dwar l-użu ta’ enerġija alternattiva. Dan l-istudju sar fuq talba tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu fuq ir-rapport Renewable Energy and Energy Efficiency in Malta, li kien ippublikat f’Settembru 2009.
Bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, Malta obbligata tipproduċi 10 fil-mija tal-enerġija kkunsmata minn sorsi ta’ enerġija alternattiva. F’Ġunju 2010, l-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi rrappurtat fl-abbozz tan-National Renawable Energy Action Plan diversi miżuri li jgħinu ‘l Malta tilħaq u teċċedi marġinalment il-miri obbligatorji.
Sabiex jistima l-contingent liability, dan l-istudju bbaża l-kalkoli tiegħu fuq diversi sitwazzjonijiet ipotetiċi. L-istudju kellu jaghmel diversi assunzjonijiet minħabba li l-istimi jiddependu minn ċirkostanzi futuri. Dan ir-rapport ibbaża l-kalkoli tal-kontiġenza, li tista’ tinqala’, minn penalijiet finanzjarji li tista’ timponi l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ), xiri ta’ statistical transfers u ftehim ta’ koperazzjoni ma’ Stati Membri oħra dwar proġetti ġodda li jiġġeneraw enerġija alternattiva.
Ġew ipproġettati l-aħjar u l-agħar ċirkostanzi li jistgħu jiġu marbuta ma’ kull waħda minn dawn it-tliet sitwazzjonijiet ipotetiċi. L-aħjar ċirkostanza tipproġetta sitwazzjoni fejn Malta ma tilħaqx il-miri obbligattorji tal-2020 bi ftit, jiġifieri Malta tipproduċi disgħa fil-mija tal-enerġija kkonsmata minn riżorsi li jistgħu jiġġeddu. F’dan il-każ, il-contingent liability tkun marbuta ma’ wieħed fil-mija tal-enerġija totali kkonsmata. L-agħar ċirkostanza pproġettata hija li sal-2020 l-użu ta’ enerġija alternattiva jkun laħaq biss wieħed fil-mija, u għalhekk il-contingent liability tkun marbuta ma’ disgħa fil-mija tal-enerġija totali kkonsmata.
Ir-riżultati u l-konkluzzjonijiet preżentati f’dan ir-rapport huma suġġetti għal numru ta’ kwalifiċi, u għalhekk l-istimi għandhom jitqiesu bħala ipotetiċi. Limitazzjoni prinċipali ta’ dan l-istudju kienet in-nuqqas ta’ statistika u informazzjoni eżistenti minn organizzazjonijiet barranin dwar dan is-suġġett. Limitazzjoni oħra kienet marbuta mal-impatt li teknoloġija futura tista’ tħalli fuq dan il-qasam. Kellhom isiru preżunzjonijiet dwar it-tul ta’ żmien li l-obbligi tad-Direttiva ma jkunux segwiti, kif ukoll il-mod li l-ECJ se tħares lejn dan in-nuqqas f’każ li l-Qorti timponi xi penali. Ċirkostanzi oħra preżunti huma dwar id-domanda futura għall-enerġija f’Malta u l-impatt tal-prezz futur taż-żejt fuq is-suq ta’ statistical transfers. Proġettazzjonijiet ma nstabux dwar kif is-suq tal
Green Energy Tariffs u statistical transfers se jigi effetwat mill-ġenerazzjoni futura tal-enerġija alternattiva minn Stati Membri oħra.
Ir-rapport juri l-firxa tal-ispejjeż li potenzjalment jinqalgħu, kemm fl-aħjar, kif ukoll fl-agħar ċirkostanzi preżunti meta kkalkulati fuq bażi ta’ penalijiet finanzjarji, statistical transfers u ftehim ta’ koperazzjoni. Għal kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kien stmat li fl-agħar ċirkostanza l-contingent liability tista’ tammonta għal €2.9 miljun (stmata fuq penali fissa bbażata fuq perjodu ta’ ħames snin u pagamenti addizzjonali f’każ li l-obbligi jibqgħu ma jiġux segwiti għall-ħames snin ta wara), €6.5 miljun u €36.1 miljun rispettivament, għal kull nuqqas ta’ wieħed fil-mija mill-miri tal-enerġija alternattiva ta’ Malta. Barra minn hekk, f’każ li l-miri jibqgħu ma jintlaħqux jeżisti wkoll ir-riskju li Malta tista’ teħel iżjed spejjeż marbuta ma’ direttivi oħra, bħal Direttiva 2001/81/EC dwar l-emmissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju.
Minkejja l-limitazzjonijiet indikati, dan ir-rapport jippreżenta diversi stimi taħt ċirkostanzi differenti dwar il-firxa potenzjali tal-contingent liability. L-entitatijiet governattivi responsabbli mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-enerġija alternattiva evidentement jeħtieġ iżommu lilhom nfushom aġġornati mal-iżviluppi f’dan il-qasam. B’hekk jista’ jkun żgurat li l-obbligi marbuta mad-Direttiva jkunu rispettati filwaqt li l-contingent liability ta’ Malta tinżamm għal-livell minimu possibli.
Ir-rapport jinstab online fuq www.nao.gov.mt
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990