Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAT-TLIETA U ĦAMSIN EDIZZJONI TAL-FIERA INTERNAZZJONALI TA’ MALTA, FIL-MALTA FAIRS AND CONVENTION CENTRE, TA’QALI – L-ERBGĦA,  23 TA’ ĠUNJU 2

PR1170
Date Icon 23/06/2010

Il-fiera internazzjonali ta’ Malta għandha dimensjoni li tmur lil hinn minn attività kummerċjali ta’ bejgħ ta’ prodotti u servizzi.  Tmur lil hinn mir-relazzjoni bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ.  Din il-fiera hi xhieda tal-fiduċja tas-settur privat, tal-kummerċjanti, tas-sidien tan-negozji żgħar u medji u tal-investituri f’pajjiżna.  Fiduċja fid-direzzjoni ta’ pajjiżna u fil-bidla ekonomika u li qed issir f’pajjiżna b’riżultat ta’ inizjattivi li qed jittieħdu mill-Gvern u l-investiment li qed isir mill-privat.

Dan it-tibdil qiegħed isir għad-dell ta’ diffikultajiet li pajjiżi oħra qed jiffaċċjaw minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali.  Pajjiżna għaraf jilqa’ kontra r-riperkussjonijiet li laqtu lil pajjiżi oħra.  U l-impatt, ċertament, ma kienx bħalma kien f’pajjiżi oħra li kellhom fallimenti ta’ banek u kumpaniji kbar, żbilanċi qawwija u żieda fil-qgħad. 

Ftit ġranet ilu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħabbar, li t-tkabbir tal-Prodott Gross Domestiku fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, kien ta’ 3.4 fil-mija f’termini reali fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra.

Dan it-tkabbir jirrappreżenta t-tieni tkabbir wara dak tal-aħħar tliet xhur tas-sena 2009.  Dawn iċ-ċifri huma inkoraġġanti fihom infushom u anki meta nqabbluhom ma’ dak li qed jiġri f’ħafna pajjiżi oħra.  Għalkemm dawn ir-riżultati rridu nħarsu lejhom b’kawtela kbira u b’saqajna mal-art, ma nistgħux ma nħossux ruħna fiduċjużi fil-ġejjieni. Irridu nkunu ottimisti, realistiċi u nżommu saqajna mal-art għax nafu li s-sitwazzjoni internazzjonali għadha waħda inċerta ħafna u rridu nkomplu naħdmu aktar biex nibqgħu kompetittivi kuljum, nattiraw l-investiment u noħolqu x-xogħol f’pajjiżna.

Il-bidliet ekonomiċi li qed nagħmlu f’pajjiżna qed jagħtuna riżultati pożittivi. 

Fl-1 ta’ Jannar 2008 – inqas minn sentejn u nofs ilu – adottajna l-munita ewro f’pajjiżna.  Deċiżjoni, li kumplimentata b’politika ta’ għaqal u responsabbiltà, swiet mitqlu deheb għal pajjiżna u għan-negozju f’Malta.  Permezz tas-sħubija tagħna fiż-żona ewro tnaqqsu l-ispejjeż għan-negozjanti u l-kummerċjanti u tneħħew ir-riskji li konna esposti għalihom bil-munita tagħna; riskji li fi żmien ta’ kriżi internazzjonali jkunu akbar u l-effett tagħhom kien ikun iebes fuq pajjiżna.

It-twettiq tal-proġett ta’ Smart City f’Rikażli hu simbolu ieħor qawwi tat-trasformazzjoni li għaddejja minnu l-ekonomija Maltija.  Proġett b’investiment privat ta’ $300 miljun li se joħloq aktar minn 5,600 impjieg f’belt tat-teknoloġija u l-informatika.  Dan il-proġett qed isir skont programm ta’ żmien imfassal mill-investituri privati, li qed jirreklamaw ukoll lil pajjiżna biex kumpaniji fil-qasam tal-ICT jiftħu u joperaw minn Malta.  Dan il-proġett jinkwadra fil-viżjoni 2015 li rridu nagħmlu minn pajjiżna ċentru reġjonali fl-informatika u l-komunikazzjoni.

Fis-17 ta’ Novembru li għadda, ħabbarna l-investiment tal-SR Technics f’Malta.  Proġett ieħor privat li se joħloq 350 impjieg ġdid fil-qasam tal-manutenzjoni tal-ajruplani.  Malta rebħet il-kompetizzjoni minn fost 50 post ieħor.  Dan l-investiment ġie Malta għaliex aħna kompetittivi, għandna ħaddiema mħarrġa u għaliex fl-aħħar snin bnejna reputazzjoni tajba fil-qasam tal-manutenzjoni tal-ajruplani.  Minbarra l-SR Technics, f’pajjiżna għandna stabbiliti wkoll kumpaniji oħra f’dan il-qasam bħalma huma l-Lufthansa Technik u l-Medavia.  Bħalissa f’Ħal Safi qed jinbena Aviation Park b’investiment ta’ €17 miljun.

Filwaqt li l-industrija tal-manutenzjoni tal-ajruplani qed tikber u toħloq aktar impjiegi f’pajjiżna, din is-sena għamilna bidla ekonomika oħra importanti fil-qasam tat-tiswija tal-vapuri.  Sar il-proċess tal-privatizzazzjoni tat-tarzna biex minn azjenda li kienet tiddependi mis-sussidji li jiġu mit-taxxi miġbura, se jkollna investiment ieħor privat li jiġġenera attività ekonomika, joħloq impjiegi ġodda u ma jiddependix mis-sussidji tal-Gvern.

Pilastru importanti ieħor fl-ekonomija Maltija hu t-turiżmu li jipprovdi għixien lill-eluf ta’ ħaddiema u familji.  L-attenzjoni tagħna hi kontinwament mixħuta fuq din l-industrija li hi volatili ħafna, għaliex deċiżjoni ta’ gvern f’budget ta’ pajjiż jiddependi jekk turist jagħmilx l-għażla jekk isifirx jew le.  Sitwazzjonijiet ambjentali jew naturali bħalma ġara bl-irmied li ħalla warajh il-vulkan fl-Iżlanda wkoll ikollu impatt fuq it-turiżmu.  

Fi żmien meta l-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali kienet fl-eqqel tagħha, il-Gvern żied l-investiment f’dan il-qasam biex isaħħaħ il-marketing ta’ pajjiżna, biex jiżdiedu r-rotot li jtiru lejn pajjiżna u daħħal skemi għal-lukandiera u restorantiera.  Illum pajjiżna għandu konnessjoni ma’ aktar minn 74 ajruport differenti.  Saqajna jridu jibqgħu mal-art, iżda l-ewwel erba’ xhur juru li f’pajjiżna kellna żieda ta’ 4% fl-ammont ta’ turisti li ġew Malta, il-bed nights żdiedu b’6% filwaqt li n-nefqa tat-turisti żdiedet bi 12%.

Settur turistiku ieħor li qiegħed jiżviluppa hu t-turiżmu permezz tal-Cruise Liners.  Is-sena li għaddiet sar investiment fi proġett ġdid f’Boiler Wharf fl-Isla biex Cruise Liners ikunu jistgħu jidħlu f’din il-parti ta’ pajjiżna li hi mimlija bi storja u kultura.  Fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena t-turisti li ġew Malta permezz ta’ Cruise Liners żdidu b’53%.

Il-fus li madwaru jdur l-iżvilupp u t-tiġdid ekonomiku jibqa’ l-investiment fil-qasam edukattiv.  Dan it-tiġdid fl-ekonomija tagħna ma kienx ikun possibbli mingħajr investiment qawwi fl-edukazzjoni.  Qed inżidu l-investiment fl-edukazzjoni biex noffru firxa wiesgħa ta’ korsijiet, f’livelli differenti.  Aktar studenti qed ikomplu bl-istudji tagħhom fl-MCAST f’istituti differenti.  F’Għawdex is-sena li għaddiet ftaħna Ċentru ġdid għall-Istudji Turistiċi.  Fl-Università ta’ Malta għaddej il-bini ta’ fakultà ġdida tal-ICT.  Qed ninkoraġġixxu aktar l-ispeċjalizzazzjoni u r-riċerka billi l-Gvern jagħti scholarships fil-livelli ta’ Masters u Dottorati.   

Permezz ta’ din in-nisġa u l-investiment li qed nagħmlu fl-edukazzjoni l-investituri żgħar u kbar għandhom garanzija li jsibu żgħażagħ u ħaddiema ta’ ħila u mħarrġa. 

Filwaqt li qed ninvestu aktar fl-edukazzjoni u nġeddu l-ekonomija tagħna biex nibqgħu kompetittivi u noħolqu x-xogħol, qed intejbu d-dehra ta’ pajjiżna b’toroq aħjar, spazji pubbliċi ġodda u proġetti ta’ tisbiħ u restawr; qed intejbu l-prodott turistiku tagħna u qed ninvestu aktar f’faċilitajiet ambjentali biex nitrattaw l-iskart li nipproduċu anki mill-industrija. 

L-investimenti f’dawn l-oqsma huma kundizzjonijiet essenzjali biex jiżdied l-investiment privat f’pajjiżna.  Fl-istess waqt dawn il-proġetti jiġġeneraw aktar attività ekonomika, inkluż għas-sidien ta’ negozji żgħar u medji.

Sinjuri,

Meta tħares lejn l-esebituri li hawn f’din il-Fiera, mill-ewwel jolqtok il-fatt li intom tirrappreżentaw dak li qed jiġri fl-isfera tan-negozju f’pajjiżna.  Il-maġġoranza kbira tagħkom huma intrapriżi żgħar u medji, jew kif nirreferu għalihom illum SMEs.

F’din il-Fiera hawn esebituri li għamlu passi kbar ‘l quddiem għax ma qatgħux qalbhom mill-kompetizzjoni u mill-isfidi li ltaqgћu magћhom imma  mmiraw li jkunu dejjem aktar innovattivi f’dak li jagћmlu u fittxew dejjem li jagћtu l-aqwa servizz lill-konsumatur.

Intom, sidien tal-intrapriżi żgħar u medji tipprovdu tnejn minn kull tliet impjiegi f’pajjiżna.

L-għajnuna li jagħti l-Gvern permezz ta’ inċentivi diretti mmirati għall-intrapriżi żgħar u medji kienet fattur importanti biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun tiflaħ għall-impatt negattiv ta’ dak li qed jiġri fl-ekonomija dinjija. F’perjodu ta’ kriżi, permezz ta’ diversi inċentivi xprunajna l-investiment ġdid u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

F’nofs kriżi ekonomika internazzjonali l-Gvern ħa inizjattivi biex jiġu mgħejjuna n-negozji ż-żgħar u medji. Fost dawn il-miżuri hemm dik ta’ 40 fil-mija tax credit biex tgħin lis-sidien jagħmlu investiment ġdid u joħolqu impjiegi ġodda.  B’din l-iskema sid ta’ negozju żgħir jew medju jiffranka sa €25,000 f’income tax.  28,000 persuna jistgħu jgawdu minn din l-iskema.

L-intrapriżi żgħar u medji jridu jħarsu wkoll lil hinn minn xtutna. Bi sħubija fl-Unjoni Ewropea li tipprovdi suq ta’ kważi 500 miljun konsumatur, ma jistax ikun li nibqgħu magħluqa fi gżiritna.

L-esportazzjoni kienet tradizzjonalment kunsidrata bħala mezz prinċipali li bih intrapriża ssir waħda internazzjonali.  Illum intrapriżi żgħar u medji qed jifhmu li biex l-attività ssir waħda internazzjonali, hemm forom ġodda ta’ negozju li jistgħu jsiru:  it-twaqqif ta’ joint ventures ma’ msieħba barranin kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiż ieħor, il-qsim tal-għerf, il-franchising, alleanzi jew sussidjarji ma’ kumpaniji barranin kif ukoll forom oħra ta’ kollaborazzjoni bejn negozji f’pajjiżi differenti. 

Barra minn hekk illum irridu nifhmu li biex intrapriża ssir internazzjonali m’għadekx tista’ tkompli tikkunsidra din l-attività bħala parti separata mill- intrapriża lokali jew strateġija li tirrikorri għaliha meta tonqos id-domanda għall-prodott jew servizz fis-suq tradizzjonali tiegħek, imma trid tkun strateġija integrata fin-negozju tiegħek.  Il-Gvern, permezz tal-Malta Enterprise, jgħin lin-negozjanti Maltin ifittxu sieħba f’pajjiżi oħra.  F’April li għadda mexxejt delegazzjoni li kienet tinkludi 30 negozjant Malti f’erba’ pajjiżi tal-Golf.  Permezz ta’ dawn iż-żjarat isiru kuntatti ġodda u jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozji.

Sinjuri,

Flimkien qed inwettqu proġett.  Il-proġett 2015, li permezz tiegħu nsiru ċentru ta’ eċċellenza u jiżdied aktar l-investiment fl-oqsma li semmejt bħal ICT, il-manifattura tas-servizzi, it-turiżmu u l-edukazzjoni.  Proġett li permezz tiegħu intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. 

Intom li qed tinvestu f’pajjiżna, intom sieħba importanti f’dan il-proġett li qed tikkontribwixxu għat-twettiq u s-suċċess tiegħu.  Nirringrazzjakom ta’ dak li għamiltu u qed tagħmlu biex l-ekonomija tagħna tibqa’ miexja ‘l quddiem u tirbaħ l-isfidi.

Nifhem li min qiegħed fin-negozju u l-kummerċ irid jirbaħ il-kompetizzjoni kuljum u jagħmel sforz biex is-sagrifiċċji jsarrafhom f’suċċessi.  Ta’ dan għandkom l-għajnuna u l-apprezzament tal-Gvern biex flimkien inkomplu noħolqu l-ġid f’pajjiżna għall-familji Maltin u Għawdxin.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow