Left arrow Go Back

223 STUDENT GĦAWDXI JIĊĊELEBRAW TMIEM IL-FAŻI TA’ L-ISKOLA PRIMARJA

PR1159
Date Icon 22/06/2010

Aktar minn 220 student u studenta li matul l-aħħar sena skolastika attendew il-klassijiet tas-sitt sena fil-ħdax-il skola primarja fi ħdan il-Gozo College, dalgħodu ċċelebraw Jum il-Gradwazzjoni.

Din kienet it-tielet sena li l-Gozo College ħejja programm imżewwaq għal din l-okkażjoni, li għaliha attendew bosta ġenituri u familjari ta’ dawn il-gradwanti żgħar u li kellhom iċ-ċans jaraw lill-istudenti ta’ kull skola jagħtu wirjiet diversi ta’ żfin, kant jew mimi. Dawn il-wirjiet ittellgħu bil-koperazzjoni tal-kapijiet ta’ l-iskejjel u l-għalliema nvoluti, partikolarment dawk li jgħallmu l-arti, id-drama u l-mużika fuq bażi peripatetika. L-istudenti ġew ippreżentati wkoll b’ċertifikat li jissimbolizza l-għeluq ta’ l-ewwel fażi fil-vjaġġ ta’ l-edukazzjoni tagħhom.  Fi tmiem l-attività, l-istudenti preżenti ngħaqdu kollha flimkien u kantaw medley ta’ kanzunetti li pparteċipaw fil-Eurovision.

Waqt id-diskors tagħha f’din l-okkażjoni, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono qalet li dan huwa mument sinifikanti fil-ħajja ta’ dawn l-istudenti, hekk kif issa qed jippreparaw għat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni primarja għal dik sekondarja. Hija saħqet li l-edukazzjoni tirrappreżenta pilastru ewlieni fil-politika tal-gvern u li l-Ministeru għal Għawdex dejjem żamm ma’ din id-direzzjoni u ta l-importanza mistħoqqa lil dan il-qasam. Hija qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li wieħed jinnota li din il-ħidma tagħti riżultati pożittivi, kif ġara anke riċentament. Hija rreferiet għar-riżultati miksuba fl-eżamijiet tal-Junior Lyceum li ħarġu din il-ġimgħa, li kienu riżultati pożittivi ħafna fir-rigward ta’ l-istudenti Għawdxin.

Il-Ministru Debono fakkret li fl-iskejjel kollha ta’ Għawdex, sar xogħol ta’ mmodernizzar f’dak li jirrigwarda aperturi u tibjid, bdil fil-faċilitajiet sanitarji u tibdil strutturali ieħor biex isir użu aħjar mill-ispazji eżistenti. Hija semmiet ukoll l-investiment ta’ €7 miljun għall-proġett tal-bini ta’ skola sekondarja ġdida tas-subien u fakkret kif ħafna mill-istudenti subien li kienu preżenti se jkunu jistgħu jgawdu mill-frott ta’ dan il-proġett ambizzjuż.

Minbarra faċilitajiet oħra, din l-iskola ser toffri klassijiet akbar, b’computer labs, laboratorji xjentifiċi u faċilitajiet sportivi aktar moderni. Hija saħqet li l-Ministeru għal Għawdex, ser ikompli bil-ħidma tiegħu b’risq il-qasam edukattiv f’Għawdex u ser ikompli bl-impenn sħiħ tiegħu biex itejjeb dejjem aktar is-servizzi edukattivi għall-istudenti Għawdxin.

Waqt din l-attività tkellem ukoll il-Prinċipal tal-Gozo College, il-Kav. Frank Gatt.

Minn din is-sena skolastika, l-istudenti ta’ l-iskejjel primarji f’Għawdex, beda jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’attivitajiet extra-kurrikurali, organizzati mis-Sezzjoni ta’ l-Attivitajiet Speċjali fi ħdan il-Gozo Collage. Dawn l-attivitajiet li kienu jinkludu fost l-oħrajn ħarġiet bir-roti, mixjiet f’diversi nħawi karatteristiċi ta’ Għawdex u ħarġa f’Kemmuna, huma nklużi fi programm ta’ edukazzjoni formattiva li tħares li trawwem fl-istudenti, interess fi prattiċi tajbin għas-saħħa u għall-iżvilupp komplet tal-persuna. Dan jinkludi l-aspett kulturali li huwa parti fundamentali mill-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u mill-iżvilupp sħiħ tas-soċjetà.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow