Left arrow Go Back

396 SME MEGĦJUNA B’FONDI EWROPEJ MILL-MALTA ENTERPRISE

PR1157
Date Icon 22/06/2010

21 SME Għawdxi ħadu bejniethom 1.6 miljun Ewro

Fis-sentejn li għaddew 396 negozju żgħir u medju kisbu bejniethom madwar 25 miljun ewro permezz tal-inizjattiva 20 million for industry imħaddma mill-Malta Enterprise. Fost dawn kien hemm 21 SME Għawdxi li bejniethom kisbu 1.6 miljun ewro. Dan ifisser li SMEs Għawdxin bejniethom ħadu 6.5 fil-mija tal-fondi kollha li kienu allokati taħt din l-inizjattiva b’fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).

Id-dettalji ngħataw mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika Chris Said waqt żjara li għamel fi tliet SMEs Għawdxin li akkwistaw fondi Ewropej biex jinvestu u jsiru aktar kompetittivi. Savina Dental Clinic, Xuereb Glass Ltd, u Jubilee Foods Ltd, ħadu bejniethom mat-terz ta’ miljun ewro minn fondi Ewropej.

Jirriżulta li l-aktar skema popolari fost l-SMEs Maltin kienet dik dwar l-Enerġija tant li 149 SME bejniethom ħadu disa’ miljun ewro. 80 SME ħadu mal-ħames miljun ewro taħt l-iskema dwar il-Kompetittivita’ Internazzjonali. 61 SME ħadu 2.5 miljun ewro biex jieħdu inizjattivi dwar e-business, filwaqt li 53 SME ħadu erba’ miljun ewro fi skema dwar l-innovazzjoni.

F’Għawdex l-aktar popolari kienu dawk dwar l-Enerġija u l-Innovazzjoni bi tmin u b’seba’ SMEs li ħadu għajnuna finanzjarja minn dawk l-iskemi rispettivament.

Waqt iż-żjara s-Segretarju Parlamentari Chris Said tkellem dwar ir-rwol mill-aktar importanti tas-settur privat u tal-SMEs f’Għawdex biex joħolqu aktar impjiegi.

Chris Said qal li n-negozji u l-SMEs Għawdxin jinsabu fi żvantaġġ meta mqabbla mal-SMEs f’Malta minħabba li Għawdex jiddependi ħafna fuq Malta fejn jidħol trasport, esportazzjoni u importazzjoni. Dawn id-diffikultajiet jistgħu jingħelbu kemm-il darba s-settur privat Għawdxi jingħata aktar għajnuna, aktar spazju biex jaħdem, u aktar inċentivi biex jinvesti, joħloq ix-xogħol u jagħmel il-qligħ.

Kien għalhekk li fix-xhur li għaddew il-Malta EU Steering Action Committee (MEUSAC) fetah Uffiċju Reġjonali f’Għawdex biex jgħin direttament lill-SMEs Għawdxin jidentifikaw opportunitajiet ta’ finanzjament u proġetti b’fondi Ewropej.

Hu semma wkoll kif il-Malta Enterprise qed toffri pakketti ta’ inċentivi imfassla propju biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ Għawdex. Dawn jinkludu ħlasijiet u krediti ta’ taxxa maħsuba biex jinkoraġixxu l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi. L-iskema Micro-Invest jistgħu jibbenefikaw minnha intrapriżi Maltin u Għawdxin, iżda filwaqt li l-intrapriżi Maltin jingħataw kreditu ta’ taxxa sa massimu ta’ 40 fil-mija, l-intrapriżi Għawdxin jieħdu sa massimu ta’ 60 fil-mija.

Il-kumpanija Xuereb Glass Ltd li tinsab fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, ħadet fondi taħt l-ewwel sejħa mill-iskema Innovation Action Grant Scheme mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Il-flus se jintużaw biex jinxtara makkinarju ġdid li permezz tiegħu l-kumpanija ssir aktar effiċjenti u produttiva fil-ħidma tagħha. L-istallazzjoni ta’ dan il-makkinarju jirrikjedi wkoll l-estensjoni tal-fabbrika.

Savina Dental Clinic kisbet fondi taħt it-tieni sejħa mill-istess skema. Dawn il-flus se jintużaw biex fil-klinika, li tinsab ir-Rabat f’Għawdex, ikun stallat apparat ta’ CT Scanning magħruf bħala Cone-Beam 3D CT Scanner. Permezz tiegħu din il-klinika issa toffri lill-pazjent dijanjosi aktar preċiża qabel isiru operazzjonijiet fil-ħalq. It-tobba li jirreferu lill-pazjenti tagħhom issa għandhom iċ-ċans ukoll li jeżaminaw bir-reqqa partijiet mir-ras u mill-għonq li ma jintlaħqux b’x-rays normali. Numru ta’ trattamenti li qabel kienu meqjusa riskjużi, issa jistgħu jsiru peress li d-dentist u l-kirurgu qed jingħata immaġni 3D aktar preċiża tal-post li jkun qed jopera fuqu.

Il-kumpanija Jubilee Foods Ltd, li tħaddem numru ta’ stabbilimenti kemm f’Malta kif ukoll barra, ħadet fondi Ewropej biex tkopri spejjeż operattivi. Dawn il-flus inkisbu mill-iskema ERDF Small Start-up Grant Scheme u li kienet intiża biex tgħin kumpaniji żgħar fl-aktar mument kritiku tagħhom, jiġifieri meta jkunu għadhom qed jiftħu jew jikbru. Il-proġett għen biex il-kumpanija sabitha aktar faċli tqum fuq saqajha fil-bidu tal-operat tagħha.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow