DISKORS MILL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI, MINISTRU GHALL-GUSTIZZJA U L-INTERN WAQT IC-CERIMONJA TAL-PASSING OUT PARADE TA’ REKLUTI GODDA FIL-KORP TAL-PULIZIJA TA’ MALTA – IL-BELT VALLETTA – 22 TA’ GUNJU 2010
Segretarju Permanenti
Sur Kummissarju
Sinjuri,
Ebda Stat Demokratiku ma jista’ jiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini tiegħu jekk ma jkollux forza tal-ordni soda, preparata, dixxiplinata u taf x’għandha twettaq. Fil-Parlament isiru l-liġijiet, però huwa l-Korp tal-Pulizija li jrid jara li l-ordni, il-paċi pubblika u l-istabilità soċjali tinżamm. Il-Pulizija tal-lum għandu quddiemu xenarju kompletament differenti minn dak li kellhom missirijietna mitt sena ilu. Proprju minħabba l-komplessita’ tal-kriminalità moderna li nħass il-bżonn li l-bniedem, iċ-ċittadin ta’ dawn il-Gżejjer li qiegħed jiġi mgħobbi bil-piż, bir-responsabbiltà li jiggarantixxi l-istat ta’ dritt ikun ferm iktar ippreparat minn dak li kien qabel.
Huwa pjaċir u sodisfazzjon għalija li nkun preżenti quddiemkom fil-jum li fih qed tibdew l-karriera fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Għandi dan is-sodisfazzjon għax qed nara għall-ewwel darba fl-istorja tal-Korp ġabra ta’ bnedmin li ngħataw studju u taħriġ ta’ l-itwal kors akkademiku li qatt ingħata. It-tul, s-saħħa fiżika huma attribwiti importanti, però daqshekk ieħor dawn iridu jiġu kkumplimentati b’pulizija preparati fil-liġi sabiex iwieġbu għar-realtajiet tal-lum.
Dak li attendejtu intom kien it-30 kors li ġie organizzat mill-Akkademja tal-Pulizija minn mindu din twaqqfet fl-1988. L-Akkademja tal-Pulizija twaqqfet mhux biss biex tħarreġ rekluti ġodda, iżda biex tkompli tagħti taħriġ lil min hu diġà fil-Korp, bil-għan li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jibqgħu aġġornati u mħarrġa dejjem aħjar fil-ġlieda kontinwa tagħhom kontra l-kriminalità f’pajjiżna. Akkademja li trid tkompli tinbidel jekk irridu nħarsu ‘l quddiem. Fi tnejn u għoxrin sena żiedet ix-xogħol u hemm bżonn li tidħol għal aktar .
M’għandi l-ebda dubju li tul dan il-kors tgħallimtu ħafna u allura issa tinsabu ppreparati għal dak li ser tiltaqgħu miegħu fit-twettieq ta’ dmirijietkom bħala membri tal-Korp tal-Pulizija. Ikun żball jekk taħsbu li tgħallimtu kollox, li l-liġijiet u r-regolamenti huma rispettati minn kulħadd. Dawn m’humiex biżżejjed, hemm issa t-tagħlim li jagħtikom l-esperjenza. Din hija determinanti u tkompli tagħtikom il-formazzjoni u l-preparazzjoni għal dak li l-poplu jrid mingħandna u li leġittimament jistenna li nagħtuh lura.
Malli ħadtu l-ġurament bħala uffiċjali tal-Pulizija, intom ġejtu investiti bil-poter li l-Istat demokratiku jafdalkom. Lanqas il-President, il-Prim Ministru u jien bħala Ministru responsabbli mill-Pulizija m’għandna dan il-poter. Intom ser tkunu tistgħu tarrestaw persuni. Dan hu poter li m’għandu qatt jiġi abbużat iżda għandkom tużawh b’reqqa kbira u b’responsabbiltà ikbar. Barra minn dawn il-poteri għandkom ukoll dmirijiet. Intom għandkom id-dover li tapplikaw il-liġi mingħajr biża’ u mingħajr favuri, kif ħliftu fil-ġurament li għadkom kif ħadtu. Intom għandkom id-dmir li tħarsu liċ-ċittadin. Intom tridu tiddefendu lill-pubbliku mill-kriminali. Għandkom twettqu l-missjoni tagħkom b’serjetà mingħajr ma tħarsu lejn wiċċ ħadd. Il-liġi qegħda hemm u trid tiġi applikata, inkella nitilfu mill-valuri sodi li għandna f’din is-soċjetà Maltija u Għawdxija.
Il-maġġoranza kbira tal-pubbliku Malti għandu fiduċja fil-Pulizija u intom għandkom id-dmir li żżommuha għolja. Żommu dan il-fatt f’moħħkom u stinkaw biex din il-fiduċja tgħinu biex tikber. Il-Gvern ma qagħadx lura biex isaħħah idejn il-Pulizija fil-ġlieda tagħha biex tipproteġi liċ-ċittadin u tiġġieled il-kriminalità, u dan bid-diversi emendi li saru fil-Kodiċi Kriminali. Riżultat ta’ dan diġà kellna. Is-sena li għaddiet il-kriminalità naqset u intom għandkom id-dmir li din, fejn hu possibli, tkompli tonqos. Il-poplu jiġġudika l-Korp fuq kemm intom tagħmlu dmirkom sewwa u għalhekk tridu toqgħodu attenti u tkunu ppreparati.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-karriera ta’ Pulizija fiha wkoll ħafna sodisfazzjon. Sodisfazzjon li intom ser tkunu t-tarka taċ-ċittadin biex tiżguraw li aħna lkoll inkunu nistgħu ngħixu f’komunità iktar sigura fejn iċ-ċittadini, anzjani, adulti, żgħażagħ u tfal ikunu jistgħu jgħixu b’iktar serħan tal-moħħ. L-aħħar kelma tmur lejn il-familji tagħkom li mingħajr is-sostenn tagħhom ma kontux taslu sa hawn. Importanti li dan is-sostenn jibqa’ matul il-karriera tagħkom fil-Korp minkejja r-riskji u l-ħin twil u t-tbatija li din iġġib ħalli din il-karriera ssarraf f’suċċess b’riżq iktar sigurtà. Nawguralkom minn qalbi karriera twila u soda f’dan il-Korp.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990