IN-NUNZJU APOSTOLIKU GĦAL MALTA JŻUR IR-RESIDENTI FIL-FAĊILITÀ KORRETIVA TA’ KORDIN
Ftit tal-jiem ilu, l-E.T. Mgr. Tommaso Caputo, Nunzju Apostoliku għal Malta għamel żjara uffiċċjali fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn ippreżenta ittra uffiċċjali mingħand il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI lir-residenti tal-Faċilità.
Waqt it-tħejjijiet għall-miġja tal-Papa fil-gżejjer Maltin, numru ta’ residenti fil-Faċilità kienu kitbu ittra lil-Qdusija Tiegħu li fiha laqgħuh fostna u talbuh jiftakar fihom fit-talb tiegħu. Ftit jiem wara li ntemmet iż-żjara tal-Qdusija Tiegħu, l-awtoritajiet Ekkleżjastiċi ta’ Malta infurmaw lill-kappillan tal-Faċilità, Fr. Franco Fenech, Franġiskan Kapuċċin, bit-tweġiba li l-Papa bagħat lir-residenti kollha. L-ittra nnifisha ġiet ippreżentata lir-residenti min-Nunzju Appostoliku għal Malta waqt quddiesa li ġiet iċċelebrata fil-kappella prinċipali fejn ipparteċipaw residenti min-nazzjonalitajiet differenti.
Fil-ħsieb tiegħu, in-Nunzju Appostoliku rringrazzja lir-residenti għat-talb tagħhom u ħeġġiġhom sabiex isaħħu l-fidi tagħhom f’Alla speċjalment waqt mumenti ta’ tbatija bħal dawk li jkunu għaddejjin minnhom waqt li jkunu qed jiskontaw il-piena ta’ ħabs tagħhom.
Kif intemmet il-quddiesa, l-E.T. Mgr. Caputo inawgura u bierek monument li jfakkar l-uffiċċjali li ħallew din id-dinja tul iż-żmien. F’kelmtejn għall-okkażjoni, l-Aġent Direttur Abraham Zammit fakkar dwar l-impenn li kull uffiċċjal korrettiv għandu lejn ir-riforma tar-residenti, u saħaq li minkejja l-ambjent diffiċli, l-uffiċċjali korrettivi għandhom tassew ikunu kburin bis-servizz li qegħdin joffru lis-soċjetà.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990