Left arrow Go Back

JITLESTA L-PROĠETT TAL-MASTER PLAN TAĊ-ĊITTADELLA

PR1132
Date Icon 17/06/2010

‘Il-proġett tal-Master Plan taċ-Ċittadella li qed nippreżentaw illum se jservina ta’ għodda biex liċ-Ċittadella nerġgħu nagħtuha l-ħajja, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-valorizzazzjoni ta’ diversi aspetti iżda ser iservi wkoll bħala gwida fl-użu aħjar u l-immaniġġjar ta’ dan il-post storiku’. Hekk qalet l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex waqt attività li saret fiċ-Ċittadella fl-okkażjoni tat-tlestija taċ-Ċittadella Masterplan. Għal din l-attività kienu preżenti l-istakeholders prinċipali nvoluti fiċ-Ċittadella li pparteċipaw b’mod attiv fil-formulazzjoni ta’ dan il-pjan kif ukoll rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern li huma involuti fiċ-Ċittadella. Kien preżenti wkoll l-Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, l-Onor. Frederick Azzopardi.

Ix-xogħol fuq dan il-Masterplan kien tħabbar sena u nofs ilu meta kien ġie spjegat kif dan il-pjan kellu jinkludi bosta studji dwar id-diversi aspetti bħall-arkeoloġija, il-ġeoloġija, l-arkitettura militari, ir-restawr, il-flora u l-fawna, u l-użu aħjar u l-immaniġġjar ta’ dan is-sit. Dawn huma lkoll aspetti importanti li jagħmlu miċ-Cittadella post uniku u monument mill-aktar importanti għal Għawdex.

Il-bidu ta’ dan il-proġett li sewa madwar €264,000, imur lura għal Novembru ta’ l-2005, meta l-Ministeru għal Għawdex applika għall-fondi meħtieġa biex ikun jista’ jitwettaq dan l-istudju.  Il-Mekkaniżmi Finanzjarji taż-Żona Ekonomika Ewropea bil-parteċipazzjoni finanzjarja tan-Norveġja, l-Islanda u Liechtenstein ffinanzjaw 85% tal-ispiża filwaqt li l-15 fil-mija l-oħra kienu ffinanzjati minn fondi nazzjonali. Saru disa’ sottomissjonijiet bi tweġiba għas-sejħa għall-offerti u l-Kumpanija Politecnica Ingegneria ed Architettura ġiet assenjata bl-inkarigu ta’ dan l-istudju. Din il-kumpanija bl-għajnuna ta’ bosta esperti kemm Taljani kif ukoll Maltin, ħadmet mill-qrib mall-Ministeru għal Għawdex fit-tħejjija ta’ dan id-dokument.

Aspett importanti ta’ dan il-proġett kienet il-konsultazzjoni wiesa’ li l-kuntratturi għamlu mal-istakeholders kif ukoll ma’ dawk l-entitajiet li għandhom xi interess partikolari fiċ-Cittadella. Din il-konsultazzjoni ma saritx biss meta tlesta d-dokument iżda kienet nbdiet sa minn qabel ħarġet is-sejħa għall-offerti sabiex setgħet tiġi fformulata aħjar l-istess sejħa. Saru madwar erbgħin laqgħa ta’ konsultazzjoni kemm ma’ individwi kif ukoll ma’ għaqdiet u istituzzjonijiet fuq bażi individwali. Saru mbagħad żewġ laqgħat li għalihom reġgħu kienu mistiedna dawk kollha interessati kif ukoll tħejja sit elettroniku li permezz tiegħu l-pubbliku in ġenerali seta’ jagħti l-kummenti tiegħu.

Waqt li kienet qed tindirizza lil dawk preżenti l-Onor Giovanna Debono spjegat kif il-Ministeru għal Għawdex diġa’ qiegħed jaħdem bis-serjeta’ biex jattira u jakkwista l-fondi sostanzjali meħtieġa għat-twettiq tal-proposti tal-Masterplan. Sostniet li din hija sfida li l-Ministeru tagħha ser ikompli jindirizza bl-istess determinazzjoni li wasslet għal dak li nkiseb sa issa.  Il-Ministru saħqet li l-kritika li saret f’dawn l-aħħar snin kienet ġejja minn min ma’ kienx infurmat jew ma riedx isegwi l-informazzjoni li kienet qed tingħata. Sostniet l-impenn li jeżisti minn naħa tal-Ministeru għal Għawdex u entitajiet oħra biex dan is-sit verament jerġa jingħata l-ħajja. Hija semmiet kif f’dawn l-aħħar jiem inħarġet sejħa għall-offerti fir-rigward ta’ xogħlijiet ta’ restawr tal-parti ta’ quddiem tas-swar taċ-Ċittadella li tkopri kważi nofs id-dawra ta’ barra tas-swar. Dan ix-xogħol li huwa ffinanzjat mill-Programm Operazzjonali Numru 1 tal-Politika ta’ Koeżjoni 2007 – 2013 ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea, huwa parti minn proġett immexxi mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali u qed jitwettaq f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Ministeru għal Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex kompliet tispjega kif bħala parti mill-istess proġett diġa’ inħarġu żewġ sejħiet għall-offerti, waħda biex isiru surveys u biex tinġabar l-informazzjoni dwar il-kundizzjoni tas-swar. Ġiet mogħtija wkoll it-tieni tender għal servizzi ta’ konsulenza geo-teknika li permezz tagħha għall-ewwel darba qed tiġi studjata l-kundizzjoni tal-blat fraġli li fuqu hija mibnija ċ-Cittadella u biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa ta’ rinfurzar tal-blat biex jiġu evitati ħsarat ‘l quddiem. Dan ix-xogħol għaddej b’ritmu tajjeb u qed jitwettaq mill-istess kumpanija li ħadmet fuq il-Masterplan. Qed tiġi ppreparata sejħa oħra għall-offerti fir-rigward tar-restawr tal-parti l-aktar antika taċ-Ċittadella. Dan il-proġett li ser jiswa madwar 7 miljun ewro għandu jitlesta sas-sena 2013.

Il-Ministru Debono spjegat kif l-istess Masterplan huwa mistenni li jservi bħala għodda biex tiġi affrontata sfida oħra marbuta mar-restawr tal-parti nterna ġewwa ċ-Ċittadella. Din tinkludi restawr ta’ postijiet eżistenti, akkwist, tindif u konsolidazzjoni tar-rovini, il-ħolqien ta’ rottot aċċessibbli għal kulħadd u l-ħolqien ta’ servizzi għall-viżitaturi.  Bħala parti mill-pubbliċita’ ta’ dan il-proġett, ġiet inawgurata wirja b’ġabra fil-qosor tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fil-masterplan f’dan ir-rigward. Din il-wirja ser tibqa’ miftuħa fiċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti ġewwa ċ-Ċittadella matul ix-xahar ta’ Lulju. Ġie wkoll ippubblikat ktejjeb bl-istess ġabra ta’ rakkomandazzjonijiet li jista’ jinkiseb mill-post tal-wirja.

‘Dan il-Masterplan se jkun l-għodda importanti biex inkunu nistgħu ngħaqqdu ħolqa oħra fil-katina ta’ inizjattivi b’risq iċ-Cittadella’ temmet tgħid il-Ministru Ġiovanna Debono. Żiedet tgħid li l-pjan huwa sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet magħmula minn nies esperti fl-oqsma rispettivi tagħhom, rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet xjentifiċi iżda li ikkunsidraw ukoll is-suġġerimenti ta’ dawk ikkonsultati. Dan ma jfissirx li kull ma fih il-pjan huwa xi ħaġa li ma tistax tinbidel. Kull proposta, naturalment teħtieġ li tiġi studjata fid-dettalji partikolari tagħha. Il-pjan, madanakollu iservi ta’ bażi tat-tluq għal kull inizjattiva li tittieħed kemm fl-immedjat kif ukoll fil-futur.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow