Left arrow Go Back

IL-GVERN IMPENJAT LI JKOMPLI JIEĦU INIZJATTIVI FAVUR BILANĊ BEJN IX-XOGĦOL U L-FAMILJA

PR1120
Date Icon 15/06/2010

Aktar minn 3,600 familja bejniethom iffrankaw 3.2 miljun ewro f’taxxa

Il-Gvern Malti jinsab impenjat li jkompli jieħu inizjattivi favur aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Qed jingħataw iżjed benefiċċji lill-ġenituri, inkluż parental leave, sabiex jinstab bilanċ aħjar fiż-żmien li fih ikunu qed jieħdu ħsieb tfal żgħar. Għaddejja ħidma biex nisa tqal igawdu minn iżjed benefiċċji u drittijiet fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Filwaqt li l-kumpaniji u min iħaddem qed jingħataw għajnuniet biex iżidu l-impjegati u biex jinvestu anki f’faċilitajiet ta’ child care.

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsultazzjoni Pubblika Chris Said meta rċieva delegazzjoni tal-Malta Business Bureau li ppreżentatlu rapport imhejji minnha fuq ‘Stima tal-Ispejjeż għall-Ekonomija Maltija fuq l-Implimentazzjoni tal-Proposti Leġiżlattivi tatl-UE dwar il-Leave tal-Maternità u tal-Paternità.

Il-Malta Business Bureau hi entità magħmula mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija u mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti Maltin (MHRA).

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li in vista tad-direttiva dwar il-leave tal-maternità u l-leave tal-paternità li qed tiġi diskussa f’livelli Ewropej, il-Gvern qed jisma’ l-imsieħba soċjali kollha biex ikun jista’ jieħu l-aħjar deċiżjoni fil-kuntest Malti. Din il-laqgħa mal-Malta Business Bureau kienet parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni.

Chris Said qal li l-Gvern Malti hu favur li aktar nisa jagħtu sehmhom fid-dinja tax-xogħol u jemmen li dawn m’għandhomx ikunu penalizzati għax isiru ommijiet. Il-Gvern jappoġġja wkoll il-proposti tal-Unjoni Ewropea li l-leave tal-maternità jiżdied għal aktar minn 14-il ġimgħa. Fl-istess ħin il-Gvern Malti qed jargumenta li għandu jkun hemm level-playing field għax is-sitwazzjoni mhux l-istess fil-pajjiżi kollha. Barra minn hekk hu importanti li dawn il-miżuri jiddaħħlu b’tali mod li ma jintefax piż kbir fuq min iħaddem.

Chris Said qal li minkejja r-riċessjoni internazzjonali, sena wara l-oħra l-Gvern Malti baqa’ jieħu inizjattivi biex iħajjar aktar nisa jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol.

3,652 omm gawdew mis-sena tnaqqis fit-taxxa għaliex daħlu lura f’impjieg jew baqgħu fl-impjieg wara t-twelid tat-tfal. Bejniethom dawn il-familji ffrankaw 3.2 miljun ewro f’taxxa.

Oriġinarjament permezz ta’ din il-miżura kienu jibbenefikaw l-ommijiet li jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol wara nuqqas ta’ ħames snin. Għal kull wild taħt is-16 il sena l-ommijiet kienu jkunu intitolati għal sena mingħajr income tax. Din il-miżura ġiet estiża għall-ommijiet li kellhom it-tfal wara l-2007 u li ma kienux ilhom neqsin ħames snin qabel daħlu lura fid-dinja tax-xogħol.

Chris Said qal li l-Gvern qed jgħin biex aktar ġenituri jagħmlu użu mill-faċilitajiet ta’ child care. Ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom f’child care centres, anki matul ix-xhur tas-sajf, qed jingħataw tnaqqis ta’ elf ewro mill-income tax. Din l-inizjattiva tħeġġeġ aktar ġenituri, inkluż nisa, jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.

Fl-istess ħin il-Gvern jinsab impenjat li jagħti każ tal-interessi ta’ min iħaddem u tas-settur kummerċjali b’tali mod li ma jitgħabbiex b’piżijiet żejda għad-detriment tan-negozji u tal-ħaddiema li jimpjegaw. Inizjattivi oħra huma intiżi biex min iħaddem jimpjega aktar nies. Hekk per eżempju qed jingħata tnaqqis ta’ 40 fil-mija sa massimu ta’ 25,000 ewro lis-self-employed u lin-negozjanti żgħar u medji fl-income tax fuq l-investiment li jagħmlu jew meta jimpjegaw aktar ħaddiema. Minn din is-sena se jingħata inċentiv lill-kumpaniji li joħolqu ambjent fuq il-post tax-xogħol fejn ikun provdut servizz ta’ child care għal ulied l-impjegati tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow