AKTAR TAĦRIĠ LILL-MEMBRI ELETTI FIL-KUMITATI AMMINISTRATTIVI
Il-membri eletti fi tmin Kumitati Amministrattivi wara t-tieni rawnd ta’ elezzjonijiet bdew jingħataw taħriġ dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kariga l-ġdida li se jkunu qed jassumu mill-1 ta’ Lulju li ġej. Kors bħal dan kien diġa’ ngħata lill-membri eletti biex jirrappreżentaw tmin komunitajiet oħra f’Marzu li għadda.
Il-kors fetaħ it-Tnejn wara nofsinhar u kien indirizzat mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said, li saħaq li l-membri eletti fil-Kumitati Amministrattivi għandhom responsabbiltajiet importanti lejn ir-residenti u l-komunitajiet li eleġġewhom. Hu importanti li jitħarrġu biex jaqdu dmirijiethom b’reqqa fl-interess tal-komunitajiet li jirrappreżentaw.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem fuq l-importanza li kull membru elett ikun jaf il-Liġi tal-Kunsilli Lokali li hi l-istess liġi li tirregola l-Kumitati Amministrattivi. Hu tkellem ukoll dwar il-kodiċi ta’ etika, l-importanza tar-Regolamenti Finanzjarji, dwar l-Ordnijiet Permanenti u dwar ir-rwol essenzjali tas-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali fil-ħidma tal-Kumitat Amministrattiv.
Fit-tieni rawnd ta’ elezzjonijiet, li saru fil-5 ta’ Ġunju li għadda, kienu eletti 35 membru f’seba’ kumitati differenti - fi Gwardamangia, fis-Swatar, fil-Baħrija, f’Baħar iċ-Ċagħaq, f’Tal-Virtu', f’Burmarrad u f’Ħal Farruġ. F’St.Peter’s f’Ħaż Żabbar tliet membri kienu dikjarati eletti, iżda żewġ postijiet għad iridu jimtlew, peress li n-numru ta’ kandidati li kkontestaw l-elezzjoni kien anqas min-numru ta’ membri li kellhom jiġu eletti.
Chris Said tkellem dwar il-komunita’ tas-Swatar li hi differenti mill-bqija peress li hi l-unika li se jkollha kumitat amministrattiv taħt żewġ Kunsilli Lokali. Hu spjega li l-budget ta’ din il-komunita’ se jittieħed mill-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsilli Lokali tal-Imsida u ta’ Birkirkara. Il-kumitat amministrattiv se jkollu dritt ta' rappreżentant fil-laqgħat taż-żewġ lokalitajiet. Is-Sindki tal-Imsida u ta' B’Kara, jew rappreżentant tagħhom, jistgħu jattendu l-laqgħat tal-kumitat amministrattiv tas-Swatar u jieħdu sehem fid-diskussjoni.
Id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat Amministrattiv għandhom jiġu ratifikati mill-Kunsilli Lokali rispettivi sakemm dawn l-istess deċiżjonijiet ma jkunux kontra l-liġi u sakemm ikun hemm biżżejjed fondi biex isir ix-xogħol propost.
Is-16-il Kumitat Amminsitrattiv eletti fil-gżejjer Maltin bejn Marzu u Ġunju ta’ din is-sena, li bejniethom jiġbru 80 membru, se jibdew jaħdmu fl-1 ta’ Lulju. Il-budget komplessiv tagħhom jammonta għal 1.8 miljun ewro. Fil-ġimgħat li ġejjin se tinħareġ ukoll skema ta’ fondi apposta li minnha jistgħu igawdu b’mod esklussiv il-Kumitati Amministrattivi fl-ewwel sitt xhur tal-ħidma tagħhom.
Chris Said qal li l-Kumitati Amministrattivi se jkollhom il-possibilita’ li jużaw fondi oħra hekk kif se jkollhom aċċess għal madwar 40 miljun ewro addizzjonali fis-sena. Dawn il-fondi jistgħu jinkisbu billi l-Kunsilli Lokali jew il-Kumitati Amministrattivi japplikaw għal waħda mill-25 skema amministrati mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali, mill-Fond għall-Iżvilupp Urban jew mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Kelliema ewlenin waqt il-korsijiet ta’ taħriġ għall-membri tal-Kumitati Amministrattivi jinkludu l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Michael Cohen, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi John Farrugia, is-Sindku ta’ Tal-Pieta’ Malcolm Mifsud, u Jesmond Friggieri li hu konsulent dwar it-taħriġ u l-ħiliet fit-tmexxija.
B’kollox il-membri eletti fil-Kumitati Amministrattivi se jkunu ngħataw mal-25 siegħa ta’ taħriġ.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990