STQARRIJA TAS- SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATUR, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA
Il-Gvern lest jilqa’ l-ForUM fl-MCESD iżda bil-kunsens tal-imsieħba soċjali kollha. Il-Gvern mhux lest li jikser il-ftehim u l-kunsens li kien hemm meta twaqqaf l-MCESD
Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar it-talba tal-ForUM (Forum Unions Maltin) biex tissieħeb fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD) kienet u għadha l-istess. Il-Gvern jaqbel li l-ForUM tissieħeb fl-MCESD iżda dan għandu jsir bil-kunsens tal-membri u l-imsieħba l-oħra. Dan ghaliex meta twaqqaf l-MCESD u l-mod kif twaqqaf, inkluż l-ammont ta’ membri tiegħu, sar b’konsensus bejn il-Gvern u l-imsieħba socjali.
Din il-pożizzjoni diġa kienet espressa f’ittra li s-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika Chris Said kien bagħat lill-President tal-ForUM John Bencini fl-20 ta’ Frar li għadda.
Dakinhar is-Segretarju Parlamentari Chris Said stqarr li “Il-Gvern m’għandu assolutament l-ebda oġġezzjoni li jara l-ForUM fl-MCESD iżda ma jistax jimponi fuq il-membri tal-MCESD il-parteċipazzjoni tagħha. L-MCESD twaqqaf bi qbil bejn il-Gvern, l-għaqdiet ta' min iħaddem u l-Unions tal-Ħaddiema, li hu ffurmat minnhom.
“Il-Gvern kien qabel mal-membri tal-MCESD li kull tkabbir fi ħdan l-MCESD irid isir bil-kunsens tal-membri kollha u ma jistax jikser kelmtu billi jimponi tkabbir fl-MCESD b’mod arbitrarju. L-MCESD kien ġie ffurmat ukoll b’mod li jirrappreżenta bilanċ delikat bejn min iħaddem u l-ħaddiema, u huwa bilanċ li jeħtieġ li jinżamm. Jekk fl-MCESD ikun hemm qbil ma' dak mitlub mill-għaqda tiegħek, il-Gvern lest li jressaq l-emendi li hemm bżonn bla dewmien.”
Minn din il-pożizzjoni tal-Gvern ma nbidel xejn tant li waqt laqgħa tal-MCESD li saret nhar il-Ġimgħa is-Segretarju Parlamentari Chris Said issuġġerixxa li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma fi ħdan l-MCESD stess biex jiddiskuti t-talba tal-ForUM dwar sħubija fl-MCESD. Dan il-Kumitat seta’ jirrakkomanda li tinbidel il-liġi biex jiżdiedu l-membri fl-MCESD.
Din il-proposta ma ntlaqgħetx mir-rappreżentanti tal-korpi kostitwiti u għalhekk dan il-kumitat ta’ ħidma ma twaqqafx.
Illum fl-MCESD hemm żewġ membri mill-GWU, membru mill-UĦM, membru mis-CMTU, membru mill-GRTU, żewġ membri mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriża, membru tal-MEA, u membru mill-MHRA.
Ladarba kien hemm qbil kważi unanimu li ma jkunx hemm tibdil, il-Gvern ma jistax jaqbad u jimponi bidla fil-kompożizzjoni tal-MCESD fuq l-imsieħba soċjali l-oħra. Il-Gvern jirrispetta l-ftehim li għandu mal-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD u għandu l-obbligu li jonorah.
Il-Gvern itenni l-istedina li kien għamel lill-President tal-ForUM John Bencini biex jitkellem mal-korpi kostitwiti u l-unions u jagħmel l-argumenti tiegħu għat-tibdil u jikkonvinċihom ibiddlu l-pożizzjoni tagħhom.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990