STQARRIJA TAS- SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATUR, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa’ jiddefendi l-interessi ta’ min irid li l-prezzijiet tal-mediċini jkunu għoljin
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat qed jibqa’ jivvinta meta jgħid li l-Gvern qed jhedded bil-bulk-buying tal-mediċini u li qed jipprova jneħħi l-kumpaniji u l-importaturi tal-prodotti mediċinali.
Il-Gvern itenni li mhux veru qed jikkunsidra li l-bulk-buying fil-każ tal-mediċini. Meta jġib dan l-argument Joseph Muscat qed jipprova jagħti dak li hu tiegħu lil ħaddieħor. Joseph Muscat qed jipprova jnessi li sena ilu kien ippropona l-bulk-buying fuq servizzi u prodotti essenzjali. Joseph Muscat qed jipprova jnessi wkoll li l-bulk-buying hi prattika skaduta li kien introduċa l-Gvern Laburista fi żmien meta l-istess Gvern Laburista kien jipprova jikkontrolla kollox.
Bil-kontra ta’ dak li qed jgħid il-Kap tal-Oppożiżżjoni, il-Gvern irid li l-prezzijiet tal-mediċini jorħsu fl-interess tal-konsumatur. Is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta qed jaħdem biex il-prezzijiet tal-mediċini jorħsu u jinżlu f’livelli aċċettabbli b’tali mod li ma jkunux ta’ piż fuq min ikollu bżonn jixtrihom.
L-interess tal-Gvern hu li jħares lill-konsumatur u għal dan il-għan lest jikkunsidra miżuri fosthom li jagħmel il-mekkaniżmu li jistabbilixxi x’għandhom ikunu l-prezzijiet tal-mediċini bħala mandatorju.
Il-Gvern qed jistenna bil-ħerqa li f’laqgħa li se ssir fil-jiem li ġejjin ikollu diskussjoni produttiva mal-istakeholders kollha. Il-Gvern determinat li tinstab soluzzjoni u qed jistenna li l-istakeholders jiġu bil-proposti tagħhom. F’każ li jkun impossibbli li jintlaħaq ftehim il-Gvern ma jkollux triq oħra għajr li jsib soluzzjoni skont kif imħabbar fid-diskors tal-Budget 2010.
Il-Gvern irid iħares l-interessi tal-konsumaturi bil-kuntrarju tal-Kap tal-Oppożiżżjoni Joseph Muscat li bid-diskors tiegħu qed jiddefendi l-interess ta’ min irid li l-prezzijiet tal-mediċini jibqgħu ogħla mill-medja Ewropea.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990