Left arrow Go Back

DISKORS MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TAL-PROĠETT TA’ WHITE ROCKS SPORTS & LEISURE VILLAGE, BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA – L-ERBGĦA,  9 TA’ ĠUNJU 2010.

PR1081
Date Icon 09/06/2010

White Rocks Sports & Leisure Village:   Investiment barrani ta’ 200 miljun ewro li se joħloq 800 impjieg ġdid 

Nirringrazzjakom talli aċċettajtu l-istedina għal din il-laqgħa informattiva u l-preżentazzjonijiet li se jsiru.  Dan minkejja li ġejtu mistiedna ftit sigħat biss ilu.

Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nilqgħakom fil-Berġa ta’ Kastilja - kull wieħed u waħda minnkom, membri tal-komunità sportiva Maltija.

Nirringrazzjakom għall-isforzi u s-sagrifiċċji kbar li tagħmlu biex tmexxu ‘l quddiem id-dixxiplini sportivi tagħkom.  Għall-ħeġġa biex tilħqu miri dejjem ogħla u għall-ambizzjoni biex tagħmlu isem tajjeb għalikom u għal pajjiżna lil hinn minn xtutna.  Il-kisbiet tagħkom huma l-kisbiet tagħna lkoll.

Ftit iktar minn sentejn ilu bdejna nwettqu l-programm elettorali għal din il-leġislatura. Programm mibni fuq inizjattivi li jsaħħu r-riżorsi umani, jkabbru l-opportunitajiet u jtejbu l-kwalità tal-ħajja. Programm li huwa frott ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha, mhux l-inqas magħkom, il-komunità sportiva Maltija.

L-aħħar sentejn ma kinux faċli.  Il-maltemp ekonomiku u finanzjarju li lmaħna fuq ix-xefaq ftit iktar minn sentejn ilu wasal u laqat lill-Ewropa. Iżda bil-għaqal, b’deċiżjonijiet iebsa iżda meħtieġa u anki bi ftit uġigħ, il-vapur Malti baqa’ jsalpa, sod f’nofs il-maltemp ta’ madwarna.

Konna realistiċi dakinhar u nibqgħu realistiċi llum. Il-maltemp għadu m’għaddiex u aħna se nibqgħu viġilanti iktar minn qatt qabel. Ix-xogħol u l-kwalità tal-ħajja se jibqgħu l-boxla li jkomplu jiggwidawna fil-vjaġġ lejn baħar iktar kalm. Iżda jien kburi li mqabbla ma’ pajjiżi oħra rnexxielna nilqgħu għall-mewġ finanzjarju bl-aħjar mod possibbli.

Dan mhux mertu tiegħi jew tal-gvern biss. Anzi aħna kburin li naqsmuh ma’ kull min ta u qed jagħti sehmu b’rieda tajba - ħaddiema, imprendituri, assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, unions tal-ħaddiema, NGOs u s-soċjetà ċivili kollha. U ovvjament naqsmu l-mertu magħkom ukoll.

Hemm diversi affarijiet li dejjem tawni kuraġġ u mlewni bl-entużjażmu u l-enerġija fil-ħidma għall-ġid ta’ dan il-pajjiż. Iktar u iktar fil-mumenti diffiċli - il-bżulija ta’ dan il-poplu, il-valuri u l-kreattività tiegħu, il-mod kif din il-gżira żgħira u mingħajr riżorsi f’nofs il-Mediterran twettaq affarijiet straordinarji.

Iżda llum qiegħed hawn quddiemkom biex inħabbar inizjattiva li hija frott ta’ xi ħaġa partikulari li timlieni bil-kuraġġ għall-futur. Minkejja dak li ġara madwarna, Malta baqgħet tispira l-fiduċja tal-investituri barranin. Kemm ta’ dawk li diġà qegħdin hawn u espandew u kemm ta’ dawk ġodda. Għalija dan huwa sinjal ċar li pajjiżna qiegħed fit-triq it-tajba.

Aħna dejjem emminna fl-isport Malti, investejna fih u tajnih l-appoġġ sħiħ tagħna.  U hekk se nkomplu nagħmlu.

Huwa f’dan l-isfond li stedinnikom hawn il-lejla.

Wegħda 287 tal-programm elettorali tgħid li għandu “Jissokta l-investiment f'impjanti sportivi madwar Malta u Għawdex u f'faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell, anki bi sħubija mal-privat u l-assoċjazzjonijiet …..”

F’dan l-isfond hu ta’ pjaċir u sodisfazzjon kbir għalija li nħabbar il-bidu ta’ proċess li għandu jwassal għall-ħolqien ta’ villaġġ sportiv ġewwa White Rocks.

Intom l-isportivi Maltin li tipprattikaw dixxiplini differenti se noffrulkom qabża fil-kwalità f’kull sens.  Mill-faċilitajiet sal-amministrazzjoni sal-konvenjenza biex tgawdu l-isport tagħkom.

Biżżejjed ngħid li l-qalba tal-White Rocks Sports & Leisure Village se tkun qed tospita dixxiplini differenti, bl-aqwa disinn u faċilitajiet. B’hekk f’Malta se jkollna wieħed mill-ikbar faċilitajiet multi-sportivi fl-Ewropa t’isfel.

Wara l-konklużjoni tal-konsultazzjoni u tan-negozjati mal-investituri, dan il-proġett se jissarraf f’investiment barrani ta’ €200 miljun. F’termini ekonomiċi, dan il-proġett se jiġbed lejn Malta wieħed mill-ikbar ammonti ta’ investiment barrani fl-istorja tagħna.

Mal-investiment jiġi l-ħolqien tax-xogħol. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon għalija wkoll li dan il-villaġġ sportiv se joħloq minimu ta’ 800 impjieg ġdid. Meta nħarsu madwarna, din ukoll hija aħbar mill-isbaħ għal pajjiżna.

Il-viżjoni tagħna f’dan il-qasam timrah lil hinn minn xtutna. Fid-dokument Viżjoni 2015 jingħad hekk: “L-industrija turistika għaddejja minn bidliet kbar li jirrikjedu.… bżonn qawwi ta’ iktar attrazzjonijiet ippakkeġġjati aħjar u ta’ ħolqien ta’ ‘esperjenzi’ għat-turist” 

B’dan il-proġett, minn dawn il-kliem qed ngħaddu għall-fatti. B’faċilitajiet ta’ livell internazzjonali, White Rocks Sports & Leisure Village se jattira turiżmu sportiv mill-Ewropa u minn kontinenti oħra.  Nagħti ċifra waħda. Is-sena l-oħra, b’riżultat ta’ skema biex ninkoraġġixxu t-turiżmu sportiv, kellna 22,000 bed night minn din l-iskema.  Għalhekk il-lejla qed nieħdu dan il-pass b’saqajna mal-art imma b’ottimiżmu.

Dan il-proġett għandu dimensjoni oħra li nagħtiha importanza daqs dawk kollha li semmejt s’issa. Id-dimensjoni ambjentali. Is-sit ta’ White Rocks ilu dilapidat għal snin twal. Ġerħa f’waħda mill-isbaħ żoni kostali ta’ pajjiżna. Ġerħa li sfortunatament baqgħet hemm għax il-proġetti u l-proposti għaliha dejjem baqgħu fuq il-karta.

Il-lejla qed nibdew proċess li jrid iwassal biex mill-kliem ngħaddu għall-fatti. Hekk kif ftit ‘il bogħod il-Magħtab ingħalaq, qed jitneħħew il-gassijiet biex jinbidel f’park għall-familja u jibda jwarrad, issa qed nippjanaw biex il-ġerħa ambjentali f’White Rocks tingħalaq darba għal dejjem. Minn passat dilapidat u mitluq se mmorru lejn ġejjieni ambjentalment sabiħ, mimli ħajja, b’attività vibranti.

Il-lejla qed nagħtu bidu u mhux nikkonkludu l-proċess li jrid iwassal biex dan kollu jseħħ. Qed nibdew, mhux nispiċċaw, it-triq lejn villaġġ sportiv ta’ livell internazzjonali.

Jien fiduċjuż li se naslu, u nispera li nsibu l-appoġġ u l-kooperazzjoni tagħkom ilkoll. Fl-istess ħin, u bħal m’ għamilna dejjem, naċċerta lil kulħadd li biex naslu f’tarf it-triq li qed nibdew il-lejla se jkun l-interess nazzjonali li jurina kif nimxu.

Grazzi mill-qalb għal dak kollu li qed tagħmlu fid-dixxiplini sportivi tagħkom. Grazzi għan-nom tat-tfal, taż-żgħażagħ, tal-adulti u tal-familji li qed jgħixu ħajja aħjar għax isibu s-sapport tagħkom biex jipprattikaw l-isport favorit tagħhom.

U iva, grazzi tal-kontribut li qed tagħtu lil dan il-pajjiż sabiħ tagħna. Nispera li dan il-proġett ikun is-simbolu tar-rikonoxximent tagħna għall-ħidma u d-dedikazzjoni tagħkom.

Fl-aħħarnett, grazzi mill-qalb lill-investituri, disinjaturi, operaturi u esperti li qed jemmnu fil-potenzjal tagħkom, ta’ wliedna u ta’ pajjiżna daqs kemm nemmnu aħna lkoll.

Grazzi.

.../Brief White Rocks.doc

.../White Rocks visual.jpg 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow