IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI JASON AZZOPARDI JGĦADDI SHELTER TAT-TIENI GWERRA DINJIJA LILL-FONDAZZJONI WIRT PAOLA
Is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi illum ippresieda ċerimonja li matulha sar l-iffirmar ta’ ftehim ta’ Att ta’ Kurazija li permezz tiegħu Shelter tat-Tieni Gwerra Dinjija għadda f’idejn il-Fondazzjoni Wirt Paola. Dan ix-Shelter issa huwa f’idejn l-għaqda non-governattiva li tippromwovi il-wirt kulturali ta’ Raħal Ġdid, biex isir fih ir-restawr neċessarju, jsiru fih attivitajiet kulturali u jinfetaħ għall-pubbliku.
Waqt l-attivita’ li għaliha kien hemm preżenti tfal mill-iSkola Primarja A ta’ Raħal Ġdid, Jason Azzopardi qal li dan huwa pass ieħor fil-mixja li l-Gvern qed iwettaq favur id-devoluzzjoni ta’ proprjetà tal-Gvern, biex din tintuża dejjem aħjar. F’din it-tnax-il devoluzzjoni ta’ proprjeta’ mill-Gvern din is-sena, dan is-sit ta’ importanza storika ser ikun jista’ jitgawda iktar. L-iffirmar tal-ftehim sar lejliet is-sebgħin anniversarju tal-ewwel ħbit mill-ajru tal-qawwiet Taljani, nhar l-10 ta’ Ġunju 1940.
Is-Segretarju Parlamentari kompla li fl-okkazjoni tal-lum, għal darb’oħra il-Gvern qed jidħol bi sħab ma’ NGO oħra li bl-entużjażmu tagħha qed toffri servizz lill-komunità. Hekk kif ġara f’numru ta’ siti oħra, dan iservi biex napprezzaw u nippromwovu il-wirt storiku li jirrifletti l-identità tagħna u tal-lokalitajiet tagħna.
Jason Azzopardi rringrazzja lit-tfal tal-iSkola Primarja A ta’ Raħal Ġdid li kienu preżenti għall-attivita’, u li fl-aħħar gimgħat ħejjew charts u kanzunetti dwar il-wirt Pawlist u Malti. Huwa ħeġġeġ lill-għalliema tagħhom biex ikomplu jgħallmuhom dwar l-importanza tal-wirt storiku. Huwa kompla li filwaqt li sebgħin sena ilu tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom kienu jidħlu jiġru fix-shelter biex jistkennu mill-attakki tal-għadu, illum dan l-ispazju huwa msebbaħ u miftuħ għar-rilassament tal-familja, kif ukoll huwa wieħed mill-ewwel spazji pubbliċi mgħonija bis-servizz tal-WIFI – internet b’xejn.
Ix-Shelter, li l-bokka tiegħu tinsab fi Pjazza Santa Ubaldeska f’Raħal Ġdid, kien reġa nstab waqt ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ li saru fl-istess pjazza mill-ħaddiema tal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarjiet Rurali tard is-sena li għaddiet. Dawn ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ dawwru l-pjazza minn post fejn jinġabru l-karozzi, għal spazju pubbliku għar-rilassament tal-familja kollha.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990