KUNSILLI LOKALI GĦAWDXIN IMĦEĠĠA JIKSBU L-EKO-ĊERTIFIKAZZJONI EWROPEA EMAS
Il-ħarsien u t-titjib tal-ambjent ta’ madwarna huma fost ir-responsabbiltajiet ewlenin tal-Kunsilli Lokali. B’ħidmithom jistgħu jikkontribwixxu mhux ftit għall-konservazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli fuq livell lokali.
Dan jistgħu jagħmluh billi jieħdu aktar inizjattivi li permezz tagħhom jiġġeneraw enerġija alternattiva, inaqqsu l-ħela, jieħdu ħsieb il-kampanja, jimplimentaw sistemi effiċjenti ta’ mmanniġġjar ta’ skart u jtejbu d-dehra ġenerali tal-lokalitajiet tagħhom. Jekk din il-ħidma tkun ta’ kwalita’ u tħalli r-riżultati mixtieqa tista’ tkun ċertifikata mill-Unjoni Ewropea permezz tal-iskema EMAS (Eco-Management and Audit Scheme).
Is-Segretarju Parlamentari reponsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said tkellem dwar dan kollu waqt seminar għall-Kunsilli Lokali Għawdxin li sar fil-Kunsill Lokali tan-Nadur. Dan is-seminar kien organizzat mill-Awtorita’ Maltija għall-Istandards (Malta Standards Authority – MSA) u li għalih kien preżenti wkoll iċ-Chairman l-Inġinier Francis E. Farrugia.
Il-MSA hi l-awtorita’ kompetenti li tamministra l-EMAS f’Malta. Din iċ-ċertifikazzjoni ambjentali qed tistabbilixxi ruħha bħala l-aktar waħda li tiggarantixxi kwalita’ fil-qasam tal-ambjent lokali madwar l-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-Kunsilli Lokali li jridu jakkwistaw din iċ-ċertifikazzjoni jridu jimplimentaw diversi miżuri u jieħdu inizjattivi ambjentali li jwasslu għal żvilupp sostenibbli.
Chris Said qal li l-maġġoranza tal-Kunsilli Lokali fil-gżejjer Maltin għandhom rekord tajjeb ħafna fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent u semma diversi inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar xhur.
Il-Kunsill Lokali Għawdxin kollha, 14 b’kollox, għandhom ftehim ma’ waħda miż-żewg kumpaniji għall-ġbir ta’ skart għar-riċiklaġġ li hawn fil-gżejjer Maltin. 62 mit-68 Kunsill Lokali fil-gżejjer Maltin għandhom ftehim ta’ din ix-xorta. Permezz ta’ dawn il-ftehim qed jiżdied it-tunnellaġġ ta’ skart li jmur għar-riċiklaġġ, qed jiżdiedu l-bring-in-sites fil-lokalitajiet u qed tiżdied l-informazzjoni lill-pubbliku.
Tliet Kunsilli Lokali Għawdxin, San Lawrenz, Għajnsielem u l-Għarb bħalissa qed ifasslu pjani strateġiċi għal-lokalitajiet sostenibbli. Il-linji gwida jistabbilixxu li l-istudji li jsiru għandhom ikunu ħolistiċi b’tali mod li jindirizzaw l-isfidi demografiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali li dawn il-komunitajiet qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Dawn l-istudji, imfassla minn esperti wara konsultazzjoni mal-għaqdiet u r-residenti tal-lokalitajiet, eventwalment għandhom iservu bħala pjani mfassla fuq tlett snin li fuqhom il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jimxu.
Chris Said fakkar ukoll fiż-żewg Skemi għall-Enerġija Alternattiva li tħaddmu fis-sentejn li għaddew. Permezz tagħhom il-Gvern se jkun ta madwar 615,000 ewro f’inċentivi biex Kunsilli Lokali jipproduċu huma stess enerġija alternattiva u b’hekk jikkunsmaw anqas elettriku ġenerata minn sorsi tradizzjonali. Il-flus qed jintuzaw biex isiru proġetti li jinvolvu l-installazzjoni ta’ pannelli foto-voltaiċi jew solar water heaters fuq il-bini u l-uffiċji tal-Kunsilli Lokali kif ukoll f’postijiet u spazji pubbliċi bhal day centres, ġonna, swar u pjazez li jkunu amministrati minnhom. Il-Kunsilli Lokali Għawdxin kollha gawdew minn din l-iskema ta’ għajnuna.
Chris Said qal li l-Patt tas-Sindki, iffirmat fl-4 ta’ Mejju li għadda, hu xhieda ċara tal-impenn tal-Kunsilli Lokali Maltin u Għawdxin li jnaqqsu l-emissjonijiet tossiċi u t-tniġġiż fl-arja b’aktar minn 20 fil-mija sal-2020. Dan il-ftehim kien iffirmat minn 29 Sindku fosthom erba’ Għawdxin.
Chris Said ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali Għawdxin biex jieħdu aktar inizjattivi ambjentali li fl-aħħar mill-aħħar għandhom iwasslu biex jintlaħqu l-miri stabbiliti bil-kunċett Eko-Għawdex kif ippreżentat fil-Viżjoni 2015. B’hekk ikunu qed jinfluenzaw fil-pożittiv l-imġieba tar-residenti li jirrappreżentaw.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990