STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jirreferi għall-aħħar seduta tal-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali tat-Tlieta 1 ta’ Gunju u jinforma li qiegħed isegwi mill-qrib dak li ngħad u jibqa’ sensittiv għal dak kollu li qiegħed jingħad dwar dak li kien hemm inkluż fir-rapport li ġie sottomess mill-Malta Gay Rights Movement.
Dan tressaq direttament għall-konsiderazzjoni tal-Ministeru mill-Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Beppe Fenech Adami sabiex il-proposti li ġew imressqa fih jingħataw l-attenzjoni li jimmeritaw. Għal dan ir-rigward, il-Ministeru jiddikjara li ser jibqa’ impenjat sabiex jassigura li d-drittijiet ta’ kull persuna jiġu mħarsa u ma jkunx hemm ir-riskju li xi ħadd jitpoġġa f’pożizzjoni ta’ vulnerabbilità.
B’rabta ma’ dan, il-Ministeru jfakkar fil-kliem tad-diskors tal-President mal-ftuħ tal-XI –il leġizlatura:
“Filwaqt li l-Gvern jibqa’ l-ħin kollu impenjat biex iħares id-drittijiet fondamentali u naturali ta’ kull persuna fis-soċjetà tagħna, irid li jagħti l-aqwa importanza lis-saħħa, l-iżvilupp u l-ħarsien tat-tfal, kemm jista’ jkun fi ħdan familja stabbli u b’saħħitha mibnija fuq iż-żwieġ.”
Għalhekk kif diġà qiegħed isir, il-Ministeru ser jibqa’ impenjat li jsegwi dak kollu li huwa għaddej fil-Kumitat imsemmi u fil-pubbliku bl-attenzjoni li dan jitlob. Dan sabiex dawk l-emendi legali li eventwalment joħorġu biċ-ċar li għandhom isiru, ikunu jistgħu jiġu mqiegħeda fuq l-mejda tal-Kamra tad-Deputati hekk kif trattat fid-diskors tal-President ċitat aktar kmieni - “Ma nistgħux, iżda, ma naffrontawx ċerti realtajiet li qed niltaqgħu magħhom fis-soċjetà llum. Għalhekk il-Gvern bi ħsiebu jipproponi leġislazzjoni bil-għan li jiġu mħarsa minn kull sfruttament persuni li jgħixu flimkien barra mir-rabta taż-żwieġ."
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990