SEBA’ ATTIVITAJIET KULTURALI OĦRA ORGANIZZATI MILL-KUNSILLI LOKALI MATUL ĠUNJU 2010
L-agrikoltura u l-bhejjem, is-snajja’ u t-tradizzjonijiet, l-istorja u l-identita’ se jkunu t-temi ewlenin tas-seba’ attivitajiet kulturali li se jkunu organizzati minn daqstant ieħor Kunsilli Lokali matul ix-xahar ta’ Ġunju. Dawn l-attivitajiet qed isiru taħt l-Iskema Attivitajiet Kulturali ko-finanzjata mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
Kull waħda minn dawn l-attivitajiet hi maħsuba biex toħroġ il-karatteristiċi u l-identita’ partikolari tal-lokalitajiet rispettivi. L-attivitajiet għal Ġunju jinkludu ‘Notte Scarlata’ f’Ta’ Sannat, ‘il-Festival Marittimu Senglea 2010’ fl-Isla, ‘Legend… Alive’ fix-Xagħra, ‘il-Wirja Agrarja’ fis-Siġġiewi, ‘F’Xatt l-Imsida’ fl-Imsida, ‘Sfilata taż-Żwiemel u Tberik tal-Annimali’ f’San Ġwann, u ‘l-Istorja Tmexxi s-Sengħa’ fin-Naxxar.
Permezz tal-Iskema għall-Attivitajiet Kulturali, il-Kunsilli Lokali qed jingħataw għajnuna u qed ikunu mħeġġa jorganizzaw attivitajiet li m’humiex fl-eqqel tal-istaġun tat-turiżmu, sabiex jiġbdu lejhom kemm turisti barranin kif ukoll Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, l-Onor. Chris Said, waqt konferenza tal-aħbarijiet fis-Siġġiewi, qal li l-MTA ilha s-snin taħdem biex tattira t-turisti lejn Malta matul is-sena kollha. Il-Gvern qed iħaddem il-prinċipju li kull lokalita’ għandha x’toffri għall-prodott turistiku Malti u qed isir sforz biex tingħata l-għajnuna lil-lokalitajiet sabiex joħorġu dan il-potenzjal.
L-attivitajiet kulturali qed jagħtu l-frott mhux għax it-turisti jiġu f’Malta u f’Għawdex b’mod speċifiku għalihom iżda għaliex juru li l-gżejjer Maltin joffru prodott turistiku ta’ kwalita’ s-sena kollha. Barra minn hekk l-attivitajiet huma mifruxa mal-gżejjer kollha u ma jsirux biss fil-qalba tal-ibliet. It-turisti li jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet imexxu l-kelma dwar x’ikunu sabu f’Malta u dan hu l-aqwa riklam għat-turiżmu f’pajjiżna.
Chris Said elenka d-diversi skemi ta’ għajnuna li qed iħaddem il-Gvern u li permezz tagħhom qed jgħin lill-Kunsilli Lokali fosthom il-Fond għal-Lokalitajiet, il-Fond għar-Restawr ta’ Postijiet Storiċi, il-Fond għat-Titijib ta’ Ċentri Urbani u l-Fond għat-Titjib taz-Zoni Rurali.
L-attivitajiet kulturali għal Ġunju huma biss 7 mill-54 attivita’ li qed isiru fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex matul din is-sena.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990