Left arrow Go Back

23 JUM TA’ ARTI, KULTURA U DIVERTIMENT

PR1034
Date Icon 03/06/2010

Siltiet minn  indirizz li s-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco għamel meta nieda l-Festival Malti  tal-Arti, f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Lukanda Phoenicia, il-Furjana

Wara r-Rebbiegħa jidħol is-Sajf bil-jiem twal, bis-sħana, bil-baħar blu li jattira lejh eluf ta’ persuni – Maltin u turisti. Is-sajf iġib miegħu l-festi tal-ibliet u l-irħula tagħna, iġib miegħu t-Tazza tad-Dinja u sensiela ta’ attivitajiet mużikali, kulturali u artistiċi. Dan kollu jagħti sfog lill-poplu biex jiċċelebra u lit-turisti li jkunu fostna, b’għexieren tal-eluf, biex jitħalltu mal-Maltin u l-Għawdxin fiċ-ċelebrazzjonijiet li norganizzaw.

F’dawn l-aħħar snin il-lista ta’ attivitajiet organizzati fis-sajf twalet: b’kunċerti minn kantanti barranin, b’attivitajiet kbar tal-massa bħall-Music Week u l-Isle of MTV li nidejna l-ġimgħa l-oħra, u b’attivitajiet kulturali, artistiċi u mużikali bħall-Malta Arts Festival.

Din hi l-ħames sena li l-Malta Arts Festival qed jiġi organizzat mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Din is-sena, s-17-il attività  ser jittellgħu fiċ-Ċentru tal-Mediterran ghall-Konferenzi, fis-Sala tal-Gran Mastri u fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali, fil-Bereġ ta’ Kastilja u ta’ l-Italja, fit-teatru MITP fil-Belt, fl-Ospizio u fil-Ġonna tal-Argotti fil-Furjana. Binjiet storiċi, li wħud minnhom f’dawn l-aħħar snin ġew restawrati b’investiment qawwi u li qed iservu skopijiet li żgur li ma kienux dawk oriġinali tagħhom.

Dawn il-palazzi u ġonna huma l-isbaħ ‘backdrop’ għal attivitajiet kulturali u mużikali għaliex iħalltu l-istorja mal-arti u l-kultura; u joħorġu prodott mill-aqwa, prodott li jagħmlilna unur.

Dan il-festival, li fih ser jipparteċipaw iktar minn 250 artist Malti u barrani,  jiġi organizzat fl-eqqel tas-sajf u fl-eqqel tal-istaġun turistiku. Għalhekk jiġi segwit mhux biss mill-Maltin iżda wkoll minn turisti li jkunu fostna għall-vaganzi tagħhom. Il-festival jikkontribwixxi biex pajjiżna jieħu isem bħala destinazzjoni orjentata lejn attivitajiet.  Niċċa li tappella l-iżjed għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Hu kkalkulat li għal dan il-festival jattendu mal-4,500 persuna li m’hemmx dubbju, parti minnhom huma turisti li jkunu fostna. Lulju hu wieħed mill-aħjar xhur tas-sena għat-turiżmu. Jekk nieħdu l-aħħar tliet snin insibu li f’Lulju żaru Malta madwar 11.7 fil-mija tat-turisti kollha li jiġu matul is-sena b’147,700 fl-2007; 149,491 fl-2008 u 135,783 f’Lulju tas-sena l-oħra.

Il-Malta Arts Festival ta’ din is-sena ser jiftaħ fl-1 ta’ Lulju bi programm mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Wayna Marshall li ser jittella’ fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran u ser jagħlaq fit-22 ta’ Lulju bil-‘Midsummer Night’s Dream’ mix-Shakespeare’s Globe Theatre fil-Ġonna tal-Argotti.  Fit-23 jum ta’ attivitajiet  ser ikun hemm preżentazzjonijiet  teatrali; kunċerti, orkestra barokka,  wirja, recitals bic-cello, bil-volin u l-pjanu; trio bir-ram, kanzunetti u dwetti. Wirja twila ta’ attivitajiet b’rappreżentanza minn  Franza, l-Italja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerika u t-Turkija.

Tieħu sehem ukoll il-‘European Baroque Orchestra’ mis-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.  Ser jipparteċipaw numru ta’ artisti Maltin. Il-proġett Ospizio mit-Theatre Anon hu magħmul minn 80 parteċipant filwaqt li n-‘new Choral singers’ jipparteċipaw 45 persuna  li fosthom hemm kantant Irlandiż u ieħor Kanadiż.

Madwar il-Mediterran hemm diversi pajjiżi li bħalna jorganizzaw festivals ta’ dan it-tip. Il-lista hi waħda twila u tinkludi:

·        l-iSpoleto Festival Dei due Mondi li jittella’ fl-Umbria;

·        il-Festival International Aurillac de theatre de Rue fi Franza;

·        l-International Ankara Music Festival;

·        l-Arts Festivals f’Valenzja, Spanja; u

·        l-Ancona Festival fl-Italja.

Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti (MCCA) f’dawn il-jiem nieda l-website tiegħu maltaculture.com  li jien inqis bħala żvilupp importanti fil-mixja ta’ dan il-Kunsill. Din il-website giet iddisinjata mill-gdid u li jinkludi elementi ġodda li jirriflettu r-rwol tal-MCCA li qiegħed dejjem jevolvi fl-oqsma tal-arti u l-kultura.  Tul il-ftit snin li ilu mwaqqaf il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għamel passi kbar fil-ħidma tiegħu biex imexxi ’il quddiem, jiżviluppa u jiffinanzja attivitajiet kulturali u forom oħra ta’ arti, mit-teatru għad-danza u mill-mużika, arti u letteratura għall-fotografija u l-arti diġitali.

Filwaqt li rringrazzja lill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti għall-ħidma tagħhom is-Segretarju Parlamentari de Marco ferah lil kull min ser jipparteċipa f’dan il-festival u lill-eluf li jsegwu l-attivitajiet li jiġu organizzati.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow