IFFIRMAT IL-FTEHIM MAL-KUMPANIJA PALUMBO: INVESTIMENT ĠDID LEJN TARZNA PRODUTTIVA U LI TIRRENDI
Il-ftehim iffirmat illum bejn il-Gvern u l-kumpanija Taljana Palumbo u l-investiment li din il-kumpanija se tkun qed tagħmel fir-riġenerazzjoni tal-faċilitajiet ta’ tiswija tal-vapuri, għandhom iwasslu biex din l-ażjenda tkun produttiva u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u għal ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’pajjiżna.
Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Tonio Fenech waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-ftehim milħuq dwar il-kirja tal-faċilitajiet tat-tiswija tal-vapuri bejn il-Gvern u l-kumpanija Palumbo.
Il-Ministru Tonio Fenech spjega kif it-termini tal-offerta finanzjarja ta’ Palumbo lil Gvern jinkludu pagament ta’ €18-il miljun kif ukoll kirja, fuq 30 sena, li tlaħħaq is-€72.6 miljun, għal total ta’ €90.6 miljun. Dan l-ammont jinħadem għal €52.7 miljun meta kkalkulat fuq bażi ta’ net present value.
Barra minn hekk, il-kumpanija Taljana se tkun qed tinvesti sostanzjalment kemm fil-makkinarju u l-infrastruttura, kif ukoll fil-ħaddiema tal-faċilità. Fil-fatt, skond il-pjan kummerċjali preżentat, l-investiment kapitali se jlaħħaq total ta’ €31.6 miljun, li jikkonsisti f’nefqa kapitali ta’ €23.5m fl-ewwel ħames snin f’titjib fl-infrastruttura u l-makkinarju, biex dawn ilaħħqu standards teknoloġiċi ogħla, kif ukoll f’aktar minn €3 miljuni fi programmi ta’ taħriġ mill-ġdid.
Il-Ministru Tonio Fenech iddeskriva l-iffirmar ta’ dan il-ftehim bħala kapitlu ġdid fl-istorja tat-Tarzna, fejn l-impenn personali tal-investitur u l-investiment finanzjarju li se jkun qed jagħmel f’din l-ażjenda, se jwasslu biex din ma tibqax tiddependi mis-sussidji u ssir kontributur importanti għall-ekonomija Maltija. Tonio Fenech tkellem ukoll dwar l-importanza li l-ażjenda se tibda titmexxa minn kumpanija b’esperjenza ta’ 40 sena fis-settur tat-tiswija tal-vapuri.
Barra t-Tarzna f’Napli, il-kumpanja Palumbo fl-aħħar snin kienet ukoll ħadet responsabbiltà ta’ tarzna oħra f’Messina li, minn stat ta’ falliment u abbandun, illum reġgħet ħadet il-ħajja, għandha numru ta’ kuntratti importanti u tlaħħaq livell ta’ użu tal-baċiri ta’ madwar 98%.
Il-ftehim kien iffirmat f’isem il-Gvern mis-Sur Albert Mamo, Kummissarju tal-Artijiet u mis-Sur Palumbo nnifsu f’isem il-kumpanija Taljana.
Għall-iffirmar attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għal Negożji Żgħar u Artijiet, l-Onor. Jason Azzopardi.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990