GĦAWDEX SE JIĊĊELEBRA L-JUM DINJI FAVUR L-AMBJENT
Nhar is-Sibt 5 ta’ Ġunju, Għawdex flimkien ma’ Malta u l-bqija tad-dinja se jkun qed ifakkar il-Jum Dinji favur l-Ambjent, li din is-sena għandu t-tema: Ħafna Speċi. Pjaneta Waħda. Futur Wieħed.
Għal din l-okkażjoni, il-Ministeru għal Għawdex għandu ppreparat programm ta’ attivitajiet għall-familja kollha, li se jkunu kkonċentrati f’Wied il-Lunzjata matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu. L-attrazzjonijiet jinkludu:
· rakkonti ta’ stejjer għal tfal ta’ bejn il-5 u s-7 snin,
· xogħol tal-kartapesta magħmul minn materjal riċiklat,
· sessjoni tat-tpinġija u oħra tal-bizzilla għat-tfal,
· żrigħ ta’ pjanti u pariri dwarhom,
· għalf tan-nagħaġ,
· logħob għat-tfal u
· varjetà għal kulħadd.
Wieħed jista’ wkoll iżur il-Kappella tal-Lunzjata u jagħmel xi mixja f’dan il-wied li jaqsam il-Belt Victoria mil-lokalità ta’ Kerċem.
Matul din l-attività, proprjament fil-Jum Dinji favur l-Ambjent, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono se tkun qed tniedi għat-tieni darba Skema għar-Restawr ta’ Rdieden tar-Riħ, bħala parti mill-proġett Eko-Għawdex. Dan wara li aktar kmieni din is-sena, l-Ministeru għal Għawdex qassam fondi marbuta mat-tiswija ta’ 19-il raddiena tar-riħ madwar il-gżira.
L-attivitajiet b’rabta ma’ dan il-jum dinji fil-gżira Għawdxija bdew il-bierah fil-Qala, bi programm organizzat mill-Hands on Farming f’Għawdex. Din l-attività kienet tinkludi taħwil ta’ siġar u qari ta’ poeżiji. Barra minn hekk, l-iskejjel li wrew l-aktar interess lejn it-taħwil u l-kura tas-siġar ingħataw trofew.
Nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ġunju filgħaxija, se titnieda l-inizjattiva Spot the Jellyfish, li hi organizzata mill-IOI-Malta Operational Centre fl-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni mal-Kampus ta’ l-Università f’Għawdex u l-Ministeru għal Għawdex. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li żżid l-għarfien dwar id-diversità ta’ speċi ta’ bram f’Malta, permezz ta’ eżerċizzju li jinvolvi rapporti ta’ bram li wieħed jara waqt li jkun qed jgħum.
Il-Ministeru għal Għawdex iħeġġeġ lill-pubbliku biex jipparteċipa f’dawn l-attivitajiet sabiex mhux biss jiżdied l-għarfien dwar l-importanza biex nibżgħu għall-ambjent, iżda wkoll biex tibda tittieħed azzjoni biex jiġu protetti l-ispeċi diversi fil-pjaneta waħda tagħna.
(+ pr1024.pdf – poster)
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990