JINGĦATA BIDU GĦALL-VIVA WORLD CUP F’GĦAWDEX
Il-bieraħ filgħaxija, fil-Gozo Stadium fix-Xewkija ingħata bidu għal-logħob tar-raba’ edizzjoni tal-VIVA World Cup 2010, it-tournament internazzjonali tal-futbol organizzat min-New Federation Board, assoċjazzjoni għall-pajjiżi li mhumiex affiljati mal-FIFA.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ dan it-tournament, kien hemm fost l-oħrajn il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono u s-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said.
Fid-diskors tagħha, l-Ministru Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Futbol f’Għawdex (GFA) li flimkien man-New Federation Board qed jorganizzaw dan it-tournament ta’ ġimgħa f’din il-gżira. Hija esprimiet is-sodisfazzjon li Għawdex qed jospita għall-ewwel darba din l-edizzjoni tal-VIVA World Cup u li b’hekk il-faċilitajiet fil-Gozo Stadium qed jintużaw ukoll għall-kompetizzjonijiet internazzjonali.
Il-Ministru Debono rreferiet għal viżjoni li għandu l-gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika u qalet li l-prattika ta’ l-isport hija parti ntegrali minn din il-viżjoni li l-għan tagħha hu li tiggarantixxi ħajja aħjar għal poplu Għawdxi u għal dawk kollha li jżuru l-gżira. Hija semmiet il-proġett ambizzjuż fil-qasam sportiv f’Għawdex, dak tal-bini ta’ pixxina indoor annessa mal-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex, liema proġett se jkun ta’ valur miżjud fuq is-servizzi li dan il-kumpless diġà qed joffri. Il-Ministru Giovanna Debono qalet li “waħda mill-miri tal-gvern hija li jippromwovi lil Għawdex għat-turiżmu sportiv b’mod partikolari matul ix-xhur kwieti tas-sena”.
Is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Chris Said tkellem dwar l-identità tar-reġjuni li qed jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni. Hu saħaq li Għawdex, għalkemm gżira u mhux nazzjon, għandha l-identità distinta tiegħu. L-istess jgħodd għall-popolazzjonijiet tar-reġjuni li qed jipparteċipaw fil-VIVA World Cup. Għalhekk din il-kompetizzjoni tal-futbol għandha sservi biex issaħħaħ u tesponi l-identità f’dawn ir-reġjuni partikolari u biex tibgħat messaġġ lid-dinja li d-diversità hi dak li tagħmel id-dinja tagħna ferm aktar interessanti. Chris Said saħaq li l-logħba tal-futbol kemm-il darba serviet biex inbnew pontijiet bejn popli u kulturi differenti. Hu awgura li l-VIVA World Cup tgħin ukoll f’dan.
Il-VIVA World Cup 2010 se tibqa’ sejra sas-Sibt 5 ta’ Ġunju, fejn fit-tournament ta’ l-irġiel, se jieħdu sehem il-Padanja, il-Kurdistan Iraqqin, Provenza, Occitania, Regno delle Due Sicilie u Għawdex, filwaqt li għat-turnament tan-nisa se jieħdu sehem Għawdex u l-Padanja. Il-flus iġġenerati mill-bejgħ ta’ biljetti għal-logħbiet f’dan it-tournament se jmorru għall-Fondazzjoni Arka u l-Fondazzjoni Oasi.
F’Marzu li għadda, f’dan il-ground tal-futbol tlesta proġett ta’ tisbieħ li kien jinkludi żieda tal-faċilitajiet fosthom dressing rooms ġodda, faċilitajiet għall-istampa kif ukoll twaqqif ta’ uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Isport. Dan il-proġett kien megħjun b’kontribuzzjoni mill-Fond għall-Kawżi Ġusti; u ġie megħjun u kkoordinat mill-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-GFA, bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Isport u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990