Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT: JISSAĦĦAĦ IR-RWOL TA’ SUPERVIŻJONI TAD-DIPARTIMENT TAL-KUNTRATTI

PR1005
Date Icon 01/06/2010

JISSAĦĦAĦ IR-RWOL TA’ SUPERVIŻJONI TAD-DIPARTIMENT TAL-KUNTRATTI

Kuntrarju għal dak li ntqal fl-istqarrija  ppubblikata l-bieraħ 31 ta’ Mejju 2010 mill-Partit tal-Oppożizzjoni, l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment jiċċara li d-Dipartiment tal-Kuntratti se jibqa’ responsabbli għal tenders ta’ entitajiet pubbliċi anke skont l-Avviż Legali 296 tas-Sena 2010.

L-Oppożizzjoni qed tipprova tqarraq meta tagħti x’tifhem li b’xi mod dan l-Avviż Legali se jdgħajjef is-sistemi ta’ kontroll fuq tenders pubbliċi meta fil-fatt, l-iskop ta’ dan l-Avviż huwa proprju li jassigura aktar trasparenza u kontabilità f’dawn il-proċessi. Dan għaliex il-Gvern huwa kommess li jsaħħaħ il-kwalità tal-mod li bih jinħarġu t-tenders f’pajjiżna. Għall-kuntrarju, l-Oppożizzjoni, flok tappoġġja dawn l-inizjattivi serji li jiggarantixxu aktar kontroll, qed tivvinta qlajja’ li mhix veritiera.

Il-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) huma inklużi fit-tieni skeda tar-regolamenti li jikkonċernaw il-pubblikazzjoni tat-tenders. Dan ifisser li ż-żewġ entitajiet huma suġġetti għad-direzzjonijiet tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Konsegwenza ta’ dan, it-tenders jiġu ppubblikati biss wara li jkunu ġew ivverifikati mid-Dipartiment.

Fl-istess waqt, l-istess Enemalta u WSC huma nklużi wkoll fi Skeda 5 li jfissser li jistgħu jippubblikaw tenders fuq inizjattiva tagħhom stess. Dawk li mhumiex fi Skeda 5 ma jistgħux jagħmlu dan. Madankollu, id-deċiżjoni dwar jekk tender jistax ikun ippubblikat mill-entità nfisha ssir wara li tingħata l-approvazzjoni min-naħa tad-Dipartiment tal-Kuntratti.

Kuntrarju għall-impressjoni li tipprova tagħti l-istqarrija tal-Oppożizzjoni, ir-rwol ta’ superviżjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti ssaħħaħ b’mod notevoli. Filwaqt li qabel kull Dipartiment  u entità, inklużi l-Enemalta u l-WSC setgħu jippubblikaw u jiddeċiedu huma stess dwar tenders sa €47,000 waħidhom, mingħajr ma jgħaddu mill-Kuntratti, permezz tar-regolamenti l-ġodda, l-award ta’ dawn it-tenders irid ikun approvat minn kumitat ġdid li qed jinħoloq f’kull Ministeru, imsejjaħ departmental contracts committee. Fuq dan il-kumitat se jkun hemm rappreżentant tad-Dipartiment tal-Kuntratti li jista’ jkun wkoll membru tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti.

Biex ikun assigurat proċess dejjem aktar trasparenti u ġust fl-għoti ta’ tenders pubbliċi, ir-regolamenti l-ġodda jagħtu aktar poteri lil min hu aggravat b’xi deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratti. Dan għaliex barra milli jibqa’ d-dritt attwali, li offerent jappella qabel ma jingħata l-kuntratt, se jingħata d-dritt ukoll li jappella wara li jingħata l-kuntratt.

Dwar ir-referenza għar-rapport tal-Awditur Ġenerali, mhux minnu li dan jgħid li sab irregolaritajiet fil-mod kif ingħata l-kuntratt tal-Power Station. L-Awditur Ġenerali ma sab ebda irregolarità f’dan il-proċess.   Hu għamel suġġerimenti għat-titjib ta’ proċessi futuri. Minkejja li l-Oppożizzjoni taf li ma kienx hemm irregolaritajiet tibqa’ tinsisti li tgħawweg il-fatti.

Dwar il-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali huwa minnu li minħabba żball amministrattiv fejn ma ntbagħtitx għall-pubblikazzjoni l-verżjoni finali, kellha tiġi ppubblikata verżjoni oħra. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow