DISKORS MILL-O. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGHOL U L-FAMILJA, FIL-FTUĦ TA’ OPEN WEEKEND FL-ISTITUT TAL-AGRIBUSINESS FL-MCAST – HAL QORMI – 28 TA’ MEJJU 2010
L-entużjażmu tad-Direttur, l-għalliema u l-istudenti ta’ dan l-Istitut dejjem jagħmlu ż-żjarat tiegħi hawn avveniment li jagħtini sodisfazzjon u fejn ikun possibbli nilqa’ bi pjaċir kull stedina li jkolli biex inżuru.
Dan hu wieħed mill-istituti tal-MCAST li fil-kwiet u mingħajr daqq żejjed ta’ trombi, qed jagħmel xogħol importanti ħafna mhux biss għall-edukazzjoni imma anke għall-ekonomija tal-pajjiż, għax qed iħajjar żgħażagħ u adulti biex ma jabbandunawx il-biedja u l-agrikoltura; u jinkoraġġihom biex ikomplu jaħdmu l-art jew irabbu l-bhejjem, b’inqas tbatija mill-imgħoddi iżda bl-istess imħabba u dedikazzjoni.
Sa 20 sena ilu, ħadd ma kien jobsor li l-istudju tal-agrikoltura, il-biedja u t-trobbija tal-annimali, kienu se jkunu mgħallma fuq livell akkademiku u tinħoloq istituzzjoni proprju għall-istudju ta’ dawn l-oqsma. Il-lum mhux biss għandna dan l-Istitut li joffri numru ta’ korsijiet kemm full time kif ukoll part-time li jwasslu għal ċertifikati u diploma rikonoxxuti, imma saħansitra jien infurmata li mis-sena d-dieħla se joffru kors li jkun jista’ jwassal għal degree.
Dan l-istitut hu ħolqa fil-katina li jisimha MCAST li sa minn meta twaqqaf – issa 10 snin ilu – offra opportunitajiet kbar lil bosta żgħażagħ, li kieku żgur li ma kienux jibqgħu jistudjaw wara li għalqu s-16 il-sena.
Għall-MCAST għandna pjani kbar. Ftit tal-jiem ilu, l-Awtorita’ għall-Ambjent u l-Ippjanar approvat l-ewwel pjani għall-bini tal-campus il-ġdid li fih se jiġbor id-disa’ Istituti li jiffurmaw dan il-Kulleġġ. Wara li jkunu approvati l-pjanti u l-permessi matul ix-xhur tas-Sajf qed nittamaw li bejn Settembru u Ottubru li gej jibda x-xogħol proprju fuq il-bini. Bini li se jestendi minn fejn il-Knisja tal-Kapuċċini f’Għajn Dwieli u jinfirex sax-xatt tal-Marsa.
Proġett li se jiswa madwar €120 miljun u diġa’ ħadna l-ewwel parti tal-flus mill-Unjoni Ewropea biex ikun jista’ jibda x-xogħol. Qed nieħdu ħsieb li waqt li jkun għaddej ix-xogħol, il-lezzjonijiet tal-istudenti ma jitħarbtux u meta x-xogħol jitlesta kollu, l-Kulleġġ li sal-lum għandu madwar 5,000 student u studenta, ikun jista’ jilqa’ fid-diversi Istituti tiegħu, aktar minn 1,000 student ieħor.
Hu ta’ pjaċir għalija ninnota li l-MCAST issa se jiftaħ Istitut ieħor, dak tax-Xjenzi Applikati biex b’hekk ikun jista joffri korsijiet ġodda li għandhom valur kbir fihom infushom, imma jistgħu jikkumplimentaw ukoll studji li jsiru f’Istituti oħra.
Din hu parti mill-viżjoni li l-Gvern għandu għall-edukazzjoni f’pajjiżna. Viżjoni li trid twassal biex sal-2015, Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam edukattiv. Eċċellenza li tkompli tpoġġi lill-pajjiżna, f’post aktar ċentrali fil-mappa edukattiva biex anke studenti barranin jiġu jagħmlu korsijiet edukattivi f’Malta kemm fl-Universita’ kif ukoll korsijiet vokazzjonali fl-MCAST.
Irrid nieħu din l-okkażjoni biex inħeġġeġ lill-pubbliku u liż-żgħażagħ b’mod partikolari, biex matul dan il-weekend isibu l-ħin u jżuru dan l-Istitut. Jiġu jaraw x’joffri, jiltaqgħu ma studenti li bħalissa qed jagħmlu esperjenza edukattiva hawnhekk, jaraw kif jittrattaw u jikkuraw l-annimali u jkollhom ukoll iċ-ċans li jixtru mill-prodotti bnini u ġenwini li jipproduċu l-istudenti ta’ dan l-Istitut.
Fl-aħħarnett nixtieq nirringrazzja lid-Diriġenti kollha tal-MCAST, il-Bord tal-Gvernaturi, l-amministraturi u f’dan il-każ partikolari lil Silvana Camilleri u l-iStaff tagħha ta’ dan l-Istitut li naf kemm huma impenjati u dejjem jaraw x’se jivvintaw biex joffru l-aħjar servizz lill-istudenti tagħna.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990