DISKORS MILL-ONOR JOE CASSAR, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMMUNITÀ, FL-OKKAZJONI TA’ FTEHIM STORIKU MA’ L-ISPTAR ST JAMES – VALLETTA – 25 TA’ MEJJU 2010
Illum ninsagħbu hawn biex inħabbru kapitlu ġdid u storiku fis-servizz tas-Saħħa f’pajjiżna. Grazzi għal-ftehim li għadu kemm ġie iffirmat bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-Isptar St. James il-pazjenti morda b’ċertu tipi ta’ kanċer f’pajjiżna se jkunu jistgħu jagħmlu PET Scan B’XEJN fl-Isptar St. James.
Il-PET Scan, jew Positron Emission Tomography, jippermetti lill-ispeċjalista li jara tibdil fil-formazzjoni tal-ġisem f’diversi kundizzjonijiet fosthom il-kanċer tas-sider, tal-pulmun jew tal-musrana, kif ukoll f’każ ta’ linfoma, melanoma u kanċer tal-ġilda. Minħabba li l-PET Scan jahdem b’mod differenti minn MRI jew CT Scan, il-konsulent, ikun jista’ jiddeċiedi x’tip ta’ trattament għandu bżonn jagħmel il-pazjent speċjalment fejn jidħlu raġġi u trattamenti qabel operazzjoni.
Iżda huwa importanti li niċċara sew dan xi jfisser.
L-ewwelnett, mhux kull min għandu kanċer għandu bżonn ta’ PET Scan. Ir-rakkomandazzjoni biex isir PET Scan hija f’idejn il-konsulent kuranti, fl-Isptar Mater Dei jew fl-Isptar Boffa li jiddeċiedi liema pazjenti għandhom jagħmlu PET Scan skond il-protokol imfassal mid-Dipartiment tas-Saħħa bi qbil mad-dipartimenti fl-isptarijiet.
Grazzi għal dan il-ftehim, se jkun il-Gvern li se jħallas għal dan is-servizz, il-morda ma’ jħallsu XEJN.
Importanti wkoll li nisħaq mal-pazjenti kollha li se jibbenefikaw minn dan is-servizz li f’dan it-trattament, tintuża kimika partikolari ħafna li tiġi importata mill-Italja. Din il-kimika, barra li tqum ħafna flus, ma’ tantx tista’ tkun maħżuna fit-tul. Ladarba tasal Malta, trid tintuża kemm jista’ jkun malajr. Għalhekk meta pazjent jingħata appuntament minn Mater Dei jew Boffa biex jiġi hawnhekk jagħmel PET Scan, il-pazjent għandu jonora l-appuntament ħalli ma’ tinħeliex il-kimika.
Permezz ta’ dan il-ftehim se nkunu qed inwettqu żewġ wegħdiet elettorali, dik li nagħtu prijorita’ lill-kura tal-kanċer f’pajjiżna u li l-Gvern se jibda jaħdem mill-qrib mall-privat sabiex intejjbu l-kura u l-ħajja tal-pazjenti tagħna.
Nixtieq ngħid ukoll li l-Gvern huwa kommess li jinstalla PET Scan fl-Isptar Mater Dei mill-aktar fis possibli. Nixtieq inħabbar ukoll li grazzi għal ftehim ma’ l-Iżvizzera diġa beda l-proċess biex dan jiġi installat, però sakemm jagħddi l-proċess kollu, il-pazjenti Maltin u Għawdxin se jkunu jistgħu jużaw is-servizz provdut minn St James Hospital Group.
Fuq livell personali nixtieq nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi li, grazzi għal-ħidma ta’ bosta nies li jaħdmu fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, kif ukoll il-kollaborazzjoni tas-St. James Hospital Group, illum wasalna s’hawn. Qalbi toħroġ għall-morda kollha li se jibbenefikaw minn dan is-servizz li se jżidilhom iċ-ċans ta’ fejqan u titjib sostanzjali fil-kwalita’ ta’ ħajja u tal-kura.
Bl-ikbar sodisfazzjon ngħidilkom GRAZZI ĦAFNA f’isem il-morda kollha.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990