Left arrow Go Back

AKTAR GĦAJNUNA FINANZJARJA BIEX JITJIEBU Ċ-ĊENTRI URBANI FIL-GŻEJJER MALTIN

PR0960
Date Icon 25/05/2010

Inawgurat il-Ġnien Oreste Kirkop fil-Ħamrun

F’April li għadda kienu ffirmati 21 kuntratt biex fix-xhur li ġejjin jitwettqu proġetti b’valur ta’ €900,000 fi 17-il lokalita’ differenti. Dawn il-flus se jkunu qed jinħarġu mill-Fond għall-Iżvilupp Urban (UIF) li hu amministrat mill-Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Il-Fond għall-Iżvilupp Urban attwalment fih madwar tliet miljun ewro. Dan il-fond jiżdied minn żmien għal żmien skond l-applikazzjonijiet għal żvilupp li jiġu sottomessi u approvati mill-MEPA. L-iżvilupp li ma jkunx jinkludi l-ispazji meħtieġa għall-parkeġġ, ikun jirrikjedi ħlas addizzjonali bil-flus imorru f’dan il-fond. Il-flus eventwalment jintużaw għal proġetti fl-istess lokalitajiet.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said tkellem dwar dan kollu meta ‘l bieraħ inawgura l-Ġnien Oreste Kirkop fil-Ħamrun. Hu sostna li l-Fond għall-Iżvilupp Urban hu biss wieħed minn ħafna inizjattivi u skemi li huma intenzjonati biex jgħinu l-lokalitajiet kollha f’pajjiżna jiżviluppaw b’mod sostenibbli.

Chris Said qal li l-Gvern qed jgħin biex jitfasslu tmien Pjani Strateġiċi għal-Lokalitajiet Sostenibbli. Numru ta’ Kunsilli Lokali se jkunu qed jirċievu madwar €160,000 bejniethom biex ihejju pjani ħolistiċi u fit-tul li jindirizzaw sfidi fl-oqsma ekonomiċi, soċjali, demografiċi u ambjentali.

Skemi oħra amministrati mill-Gvern Malti jinkludu l-Fond għar-Restawr ta’ Postijiet Storiċi u l-Iskema ta’ Finanzjament għall-Attivitajiet Kulturali. Skemi oħra huma finanzjati permezz ta’ fondi Ewropej. Il-Fond għat-Titijib ta’ Ċentri Urbani jammonta għal żewg miljun ewro, filwaqt li l-Fond għat-Titjib taz-Zoni Rurali taħt il-programm Leader+ jammonta għal erba’ miljun ewro.

Sadanittant fost il-proġetti li se jkunu finanzjati permezz tal-UIF hemm it-tisbiħ ta’ diversi ġonna u spazji pubbliċi, l-istallazzjoni ta’ għamara fi playing fields, dwal ġodda, żviluppi ta’ belvedere, u rranġar ta’ znieter ta’ knejjes. Ix-xogħlijiet se jsiru f’diversi lokalitajiet fosthom ir-Rabat f’Malta, Ħal Qormi, San Ġwann, Raħal Ġdid, Santa Venera, il-Qrendi, in-Nadur, Għajnsielem, Ħ’Attard, Birżebbuġia, Birkirkara, Marsaskala, il-Mosta, ix-Xgħajra, ir-Rabat f’Għawdex, il-Qala u n-Nadur.

Il-kuntratt tal-proġett ta’ tisbiħ tal-ġnien Oreste Kirkop fil-Ħamrun kien iffirmat is-sena li għaddiet u tlesta fil-ġimgħat li għaddew. Il-ġnien issa sar aċċessibbli għal kullħadd. Ix-xogħol ta’ tisbiħ kien jinvolvi l-bini mill-ġdid tal-ġnien, l-installazzjoni ta’ dwal, bankijiet, litter bins, gazebo, siġar u arbuxelli. Il-ġnien fih ukoll struttura bl-ilma. Permezz tal-iskema tal-UIF, il-MEPA ffinanzjat 70 fil-mija ta’ proġett li sewa ‘l fuq minn €100,000.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow