Left arrow Go Back

DISKORS MILLL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAZJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-BLOKKA ‘PAPA GWANNI PAWLU II’  GEWWA SAN VINCENZ DE PAULE.

PR0953
Date Icon 23/05/2010

Nixtieq qabelxejn nirringrazzja u nifraħ lil Josef tal-animazzjoni tiegħu matul din iċ-ċerimonja. Għandek l-ammirazzjoni tagħna lkoll għax bil-kelmtejn tiegħek, għamilt enfasi fuq il-valuri marbuta maċ-ċerimonja tal-lum. 

Konvint ukoll li ġgħelt lil kulħadd, kif ġara lili, jirrifletti fuq l-anzjani għeżież tagħna u nemmen li ġeddidt ħafna memorji sbieħ taċ-ċkunija u r-relazzjoni tagħna man-nanniet.  Dan jixhed il-valur li nagħtu lill-anzjanità fis-soċjetà Maltija. 

Illum m’aħniex biss qed niċċelebraw il-ftuħ ta’ dan il-blokk il-ġdid ġewwa r-residenza San Vinċenz de Paule.  Qegħdin fuq kollox niċċelebraw u nagħtu ġieħ lill-anzjani tagħna u r-rwol li għandhom fis-soċjetà Maltija.

Huwa d-dmir ewlieni tagħna l-politiċi li nagħrfu li fil-mixja tal-ħajja hemm proċess magħmul minn fażijiet differenti li kollha jġibu magħhom kundizzjonijiet  u bżonnijiet differenti.

Mit-tqala sat-tfulija, miż-żgħożija sal-istat ta’ adult u sal-anzjanità, is-sistema  politika għandha d-dmir li tagħraf liema huma l-mezzi li bihom tiggarantixxi l-aqwa u l-aħjar servizz biex kulħadd jgħix l-aħjar kwalità ta’ ħajja possibbli u ħadd ma jaqa’ lura. 

Dan hu li nfittxu li nagħmlu bil-politika tagħna favur it-tfal, iż-żgħażagħ, l-adulti u l-anzjani. Irridu li nkomplu niggarantixxu l-aħjar mod ta’ għixien anki skont il-fattur taż-żmien.  Nagħmlu dan għax għalina, il-bniedem huwa fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern u l-valur lejn il-ħajja hu prinċipju bażiku li fuqu tinbena l-politika tagħna.

Residenza bħal din bl-anzjani fiha m’għandniex inqisuha bħala bini iżda għandha tfakkarna fil-valuri li aħna nħaddnu kemm bħala poplu u nazzjon.  Valuri ispirati mit-tagħlim soċjali tal-Knisja.  Din il-binja l-ġdida hija msemmija għall-Papa Ġwanni Pawlu II, li lqajnieh f’pajjiżna tliet darbiet.  Papa li ppersonifika l-valuri li aħna llum irridu niċċelebraw u nfakkru.  Papa li kien aġent tal-bidla anke fl-anzjanità tiegħu u li hu stess kiteb fuq il-valur tal-anzjanità f’ittra indirizzata lill-anzjani fl-1999. F’din l-ittra hemm kwotazzjoni qawwija u mill-isbaħ li ġġegħilna nirriflettu fuq il-valur u s-sbuħija tal-ħajja. Il-Papa fl-ittra tiegħu jikteb – ‘is-snin jgħaddu malajr, iżda l-ħajja, minkejja l-isforzi u t-tbatija li ġġib magħha, hija prezzjuża u sabiħa wisq għalina biex xi darba nixbgħu minnha.’  Kwotazzjoni li ġġiegħel lil kulħadd, speċjalment lilna l-politiċi, biex inkomplu naħdmu favur il-ħajja fil-fażijiet u l-bżonnijiet kollha tagħha.

Bħala pajjiż għandna biex inkunu sodisfatti ferm b’dak kollu li rnexxielna nagħmlu fis-settur tal-anzjani. Dan li ksibna għamilnieh flimkien - Gvern, Knisja, għaqdiet mhux governattivi, voluntiera mal-għaqdiet, u l-familji. Għarafna nibnu ħidmietna u nwettqu l-impenn tagħna f’dan il-qasam fuq il-kultura tar-rispett, l-għaqda u l-għożża lejn l-anzjani tagħna fi ħdan il-familja Maltija.  Ir-rispett lejn il-familja estiża f’pajjiżna u l-valuri marbuta magħha huma ta’ vantaġġ kbir biex aħna, tul is-snin, stajna nibnu sistema ta’ assistenza favur l-anzjani permezz ta’ strutturi pubbliċi.

Qegħdin kontinwament naġġornaw il-politika tagħna biex nagħtu l-aħjar lill-anzjani tagħna. Qed inkompli nagħtu servizzi li bihom l-anzjani jibqgħu fl-ambjent li jixirqilhom, fid-dar u fil-komunità li jgħixu fiha.  Fil-ġimgħat li ġejjin se niftħu l-ewwel night shelter f’pajjiżna għall-anzjani li jkunu jridu jibqgħu d-dar tagħhom matul il-ġurnata iżda matul il-lejl imorru jorqdu f’post fejn ikun hemm aktar anzjani taħt l-istess saqaf. 

Qed intejbu u nsaħħu l-istituzzjonijiet residenzjali għall-anzjani li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu waħedhom u għalhekk jidħlu f’dar tal-anzjani jew f’din ir-residenza.

Sinjuri,

Illum, b’dan il-blokk il-ġdid qed nagħmlu pass ieħor importanti.  Kif spjega s-Segretarju Parlamentari Mario Galea din hi l-ewwel binja li nbniet apposta għall-anzjani li għandhom id-dimenzja.  Is-Segretarju Parlamentari minbarra li ħadem fuq dan il-proġett u qed jaħdem fuq inizjattivi oħra fil-qasam tal-anzjani, daħħal dan l-iżvilupp ġdid għal pajjiżna, ta’ swali attrezzati għal persuni bid-dimenzja, għaliex il-politika tagħna mhix li nagħtu sodda u spazju lill-anzjani, iżda li ngħinuhom jgħixu l-ħajja tagħhom bl-aħjar mod li jistgħu.  B’dak li għamilna f’dawn is-swali ġodda qed naċċertaw li s-saħħa fiżika u mentali ma jinfirdux minn xulxin, għaliex nafu sewwa li ma hemmx waħda mingħajr l-oħra.  Dan jagħti dinjità akbar lill-anzjani tagħna. 

F’isem il-Gvern u l-poplu Malti u Għawdxi, nixtieq nirringrazzja lill-infermiera, lit-tobba, social workers, carers u kull min jaħdem fis-settur tal-anzjani tax-xogħol siewi li qed jagħmlu mal-anzjani tagħna.  Intom, bid-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji tagħkom, qed tagħtu ġieħ lis-soċjetà Maltija u l-valuri li hija mibnija fuqhom.  Qed tagħtu l-ħajja lill-valur tas-solidarjetà.

Il-Gvern huwa impenjat li, bis-saħħa tal-kisbiet kbar li għamilna sa issa u li jidhru kullimkien f’dan is-settur – kemm fis-servizzi fil-komunità u kemm fuq livell nazzjonali, ikompli jkabbar il-mentalità ta’ rispett lejn l-anzjani, bi dritt tagħhom u bi dmir tagħna lkoll lejhom. 

Irridu nkomplu naħdmu biex l-anzjanità tkompli tkun apprezzata għal dak li hi, għall-minjiera ta’ għerf u esperjenza li toffri, għas-sens ta’ tkomplija u kontinwità li tagħtina u li mingħajru nissograw li nitilfu kull sens ta’ direzzjoni. Għalhekk irridu nkomplu nibnu din il-kultura ta’ rispett u ta’ apprezzament lejn l-anzjani ta’ pajjiżna li bix-xogħol tagħhom tul is-snin qegħdin illum ingawdu l-frott tas-sagrifiċċji tagħhom. 

Sinjuri,

Pajjiżna għandu ħafna biex ikun kburi f’numru ta’ oqsma.  L-istorja tagħna, storja ta’ pajjiż ċkejken, hi storja ta’ suċċess, mertu li ħdimnieh matul iż-żmien bix-xogħol u l-kontribut ta’ kulħadd speċjalment tal-anzjani tagħna.

Kien u għadu d-dmir tagħna lkoll niggarantixxu anzjanità kalma, serena, ibbażata fuq il-valuri u l-ħajja tal-familja Maltija. 

Dan il-Gvern huwa kommess li bl-akbar importanza u bl-aqwa konvinzjoni jkompli jkattar il-fiduċja tiegħu fl-anzjani, is-sens ta’ gratitudni lejhom, u l-impenn favur kull benefiċċju li hu possibbli u li huma jistħoqqu.

Il-qasam tal-anzjani hu wieħed mill-aktar importanti fil-proġett politiku tagħna kollu, flimkien max-xogħol, l-edukazzjoni, l-ambjent u s-saħħa.  Aħna kommessi li nkomplu f’din id-direzzjoni biex inkomplu nipprovdu l-aħjar ambjent ekonomiku għall-anzjani li jridu jkomplu jaħdmu u l-aħjar faċilitajiet u servizz li l-anzjani jimmeritaw.

Lill-anzjani kollha, f’isem il-Gvern u l-poplu Malti u Għawdxi, ngħidilkom grazzi ta’ kulma għamiltu u qed tagħmlu biex wassaltu lilna ta’ warajkom sal-punt li ninsabu fih illum. 

Grazzi.

....../PDF  BLOKKA GWANNI PAWLU II

DOI – 23.05.2010

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow