Left arrow Go Back

IL-FOND TA’ KO-FINANZJAMENT GĦALL-NGOS JITLA’ GĦAL €280,000

PR0942
Date Icon 21/05/2010

Għaqdiet li jiksbu l-fondi Ewropej neċessarji biex iwettqu proġetti mressqa minnhom jistgħu japplikaw biex jingħataw ukoll ammont sostanzjali mis-sehem li normalment bilfors ikunu jridu joħorġu huma. Dawn il-flus jinħarġu mill-Fond għal Ko-Finanzjament imwaqqaf mill-Gvern u li din is-sena jammonta għal 280,000 ewro.

Din l-iskema, li hi miftuħa għas-Soċjeta’ Ċivili u għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi (NGOs), diġa tħaddmet b’suċċess fl-2009 hekk kif kien approvat il-ko-finanzjament għal tliet proġetti. L-Istitut Paolo Freire, ir-Richmond Foundation u l-Malta Institute of Management, bejniethom, se jkunu qed jirċievu 13,000 ewro minn dan il-fond.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said qassam nofs din l-allokazzjoni lil dawn l-għaqdiet waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha nieda l-Fond ta’ Ko-Finanzjament għal din is-sena.

Chris Said spjega li din is-sena l-kriterji biex wieħed ikun jista’ japplika għal ko-finanzjament saru anqas burokratiċi b’tali mod li sar aktar faċli għall-NGOs li jixħtu applikazzjoni. Dawk l-NGOs li s-sena li għaddiet ma kkwalifikawx għal ko-finanzjament minħabba nuqqas ta’ informazzjoni, din is-sena se jingħataw iċ-ċans li jerġgħu japplikaw sabiex il-proġetti tagħhom jerġgħu jiġu kkunsidrati.

Chris Said qal li l-għan tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament hu dak li jgħin għaqdiet iwettqu fil-prattika ftit mill-ħafna ideat li jkollhom. Sabiex NGO tidħol għal proġett b’fondi Ewropej din tkun trid toħroġ 15 fil-mija tat-total.

Ħafna proġetti jispiċċaw ma jsirux għaliex l-NGOs isibuha diffiċli jiffinanzjaw dik il-parti tal-proġetti. Il-Gvern iddeċieda li jagħmel tajjeb għal parti kbira minn dawn il-15 fil-mija biex jassigura li l-ideat it-tajbin ma jintremewx u jsiru realta’. Il-proġetti li jitressqu għall-ko-finanzjament ikunu evalwati minn bord maħtur apposta.

Wieħed mill-proġetti li s-sena li għaddiet kien approvat għal ko-finanzjament huwa ‘Iċ-Ċavetta’ u tfassal mill-Istitut Paolo Freire taż-Żejtun. Dan il-proġett jindirizza persuni li m’għandhomx xogħol minħabba nuqqas ta’ ħiliet fil-qari u fl-IT. Permezz tal-proġett dawn il-persuni jitħarrġu u bil-mod il-mod jakkwistaw il-ħiliet u l-fiduċja fihom infushom biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jsibu posthom fis-soċjeta’.

Proġett ieħor li tressaq mir-Richmond Foundation jinvolvi studju dwar is-saħħa mentali u x-xogħol. L-għan ta’dan l-istudju hu li jkunu identifikati l-ostakli li jeżistu fis-suq tax-xogħol għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. L-istudju jipprova jiżviluppa, itejjeb jew ibiddel sistemi eżistenti sabiex dawn il-persuni jkollhom aċċess ugwali għad-dinja tax-xogħol.

Il-proġett li tressaq mill-Malta Institute of Management kien jinvolvi l-organizzazzjoni ta’ konferenza internazzjonali f’Malta bit-tema ‘Islamic Finance in a European Financial Services Network’. Din il-konferenza saret lejn tmiem l-2009 u fiha kien diskuss il-potenzjal ta’ prodotti u servizzi mfassla skont ir-regolamenti tal-‘Islamic Finance’ fis-suq Ewropew.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said temm billi fakkar li l-MEUSAC jgħin lill-għaqdiet volontarji u jagħtihom gwida dwar xi proġetti jistgħu jagħmlu u x’fondi Ewropej jistgħu jakkwistaw. Dan is-servizz issa qed ikun offrut anki f’Għawdex hekk kif fil-ġimgħat li għaddew beda jaħdem l-Uffiċju Reġjonali tal-MEUSAC u l-MCESD fir-Rabat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow