KAMPANJA NAZZJONALI KONTRA L-OBEŻITA’: FL-OKKAŻJONI TA’ JUM EWROPEW TAL-OBEŻITA’ - MINISTERU TAS-SAĦĦA, ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’
Nhar is-Sibt li ġej, 22 ta' Mejju 2010, ser jiġi ċċelebrat għall-ewwel darba l-Jum Ewropew kontra l-Obeżita’. L-iskop ta’ din il-ġurnata huwa sabiex b’effett immedjat, l-Ewropa ssir aktar b’saħħitha, billi jitnaqqas b’mod sinifikattiv, in-numru ta’ ċittadini fl-Ewropa li huma affettwati jew imutu prematurament mill-piż żejjed jew l-obeżita’.
Iktar minn nofs il-populazzjoni tal-Ewropa qed tkun affettwata minn din il-kundizzjoni. L-obeżita’ mhix problema ta’ estetika imma waħda ta’ nuqqas ta’ saħħa - dan għaliex magħhom hu assoċjat żieda fir-riskju ta’ żvilupp ta’ kundizzjonijiet serji bħall-pressjoni għolja fid-demm, puplesija, d-dijabete tat-tip II, mard tal-qalb u ċerti tipi ta’ kansers.
Skond l-aħħar statistika mid-Dipartiment tas-Saħħa fl-Informatika u r-Riċerka, madwar 36.3% tal-Maltin qalu li għandhom il-piż żejjed filwaqt li 22.3% oħra ddikjaraw lilhom infushom ‘obeżi’.
Wara li ftit snin ilu l-Gvern kien waqqaf kumitat (ICCO) sabiex jinbeda djalogu ma’ setturi oħra tal-gvern dwar kif tista’ tingħeleb l-obeżita fost il-Maltin, bħalissa qed tinkiteb strateġija bi proposti dwar kif l-ambjent eżistenti jista’ jitbiddel biex il-pubbliku Malti jkun aktar megħjun jagħmel għażliet tajba dwar l-ikel u favur ħajja attiva. Dan bil-għajnuna u l-kollaborazzjoni ta’ setturi governattivi barra mis-saħħa, flimkien ma’ entitajiet oħra.
Proprju għal dan il-għan illum qegħdin ninfurmaw lill-pubbliku Malti li barra din l-istrateġija li bħalissa qed tinħema, ġiet imħejjija wkoll kampanja nazzjonali sabiex flimkien negħlbu din l-isfida. Il-kampanja tinkludi:
1. ‘Airing’ ta’ reklami kemm fuq it-televiżżjoni u l-istess fuq ir-radju.
2. Taghrif fuq il-mezzi kollha tax-xandir dwar kif tingħeleb il-problema tal-ħxuna b’ intervisti ma’ nies kwalifikati f’dan il-qasam.
3. Tqassim ta’ diversi fuljetti bla ħlas informattivi fosthom: kif jitkejjel il-body mass index; x’wieħed għandu jagħmel biex jitlef il-piż żejjed; kif ukoll mistoqsijiet u risposti dwar xi ħrejjef fuq l-ikel u t-telf tal-piż. Dawn il-pubblikazzjonijiet jistgħu jkunu akkwistati mill-Ministeru tas-Saħħa jew bit-telefon mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fuq 23266000.
4. Ser jerġgħu jibdew ukoll is-servizzi bla ħlas tal-weight management classes u l-aerobics classes li jsiru filgħaxija. Kull min għandu 18-il sena ‘l fuq, u b’BMI ta’ 25 jew iktar jista’ japplika. Dawn iż-żewġ servizzi li jsiru fuq medda ta’ żmien, ser jkunu mifruxa magħtul is-sena kollha u ser jsiru f’diversi postijiet pubbliċi ġewwa Malta (f’xi Ċentri tas-Saħħa u f’sebgħa Kunsilli Lokali). Aktar dettalji jinstabu fuq l-applikazzjonijiet għal dawn is-servizzi (23266000).
Il-Ministeru tas-Saħħa jirringrazzja lill-istaff kollu tal-Health Promotion Unit fi ħdan id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard li ħadmu bla waqfien sabiex tħejjiet din il-kampanja.
Grazzi ukoll tmur lid-Direttorat għall-Kura Primarja flimkien maċ-Ċentri tas-Saħħa, u lis-sebgħa Kunsilli Lokali li offrew li jipparteċipaw f’din il-kampanja kontra l-obeżita’. Dawn il-kunsilli għarfu li l-obeżita’ hija problema nazzjonali u għalhekk kullħadd (jiġifieri kull min mhux residenti f’dawn is-sebgħa lokalitajiet) jista’ japplika. Il-kunsilli huma: Birkirkara, Fgura, Floriana, Ħal-Kirkop, Rabat (Malta), San Pawl il-Baħar u Żejtun.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990