DISKORS MILL-KAP KMANDANT TAL-FORZI ARMATI TA’ MALTA, L-BRIGADIER MARTIN XUEREB, FL-OKKAZJONI TAL-PASSING OUT PARADE TAR-REKLUTI L-GODDA FIL-FORZI ARMATI TA’ MALTA – BARRACKS TA’ HAL LUQA – 20 TA’ MEJJU 2010
Onorevoli Prim Ministru,
Mistednin distinti,
Kollegi,
Grazzi tal-preżenza tagħkom
Suldati ġodda tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Xi gimgħat ilu intom ilqajtu l-istedina tagħna, stedina li fittxejtu b’ħerqa, stedina li kien hemm bosta li xtaquha imma intkom biss kellkom l-unur li tirċevuha. Stedina li offritilkhom opportunita’, pero’ stedina li ġabet magħha wkoll bżonn ċar għal impenn u neċessita’ illi kull wiehed minnkom konxjament jagħżel li jaqleb il-folja u jibda ħajja ġdida. Ħajja bħala membru tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Illum intom membri sħaħ ta’ din il-Forza. L-isfida tar-Reklutaġġ irbaħtuha u persważ illi ma kienitx faċli. F’dawn l-aħħar tmintax-il ġimgħa bla dubju kellkom tagħmlu ħafna sagrifiċċji u magħkom il-familjari u oħrajn qrib tagħkom. Is-serbut tal-karozzi fl-ewwel ġranet tar-reklutaġġ bi qrabatkom ħerqanin jistennewkom barra l-Barracks sa mill-erbgħa neqsin kwart, ma damx ma naqas drastikament. Ma tantx domtu biex tirrealiżżaw illi waqt ir-reklutaġġ taf x’ħin tibda l-ġurnata, imma qajla taf meta ser tispiċċa.
Għall-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li bdew ir-reklutaġġ fl-erbgħa ta’ Jannar ta’ din is-sena, kollox għadda b’wiċċ il-ġid. Jien persważ illi din ser tkun esperjenza li ser tibqgħu tgħożżuha. Ser tinsew l-għajjat u l-għajja u tiftakru l-isfidi li rbaħtu, dak li tgħallimtu w għaliex le, xi praspura li għamiltu flimkien. Ir-Reklutaġġ huwa iebes, pero’ żommu f’moħħkom illi l-għan tar-reklutaġġ mhux li wieħed ibati fil-vojt. L-għan huwa illi wieħed isir konsapevoli tal-bżonn għas-sagrifiċċju, id-determinazzjoni u tan-neċessita’ illi wieħed jaħdem bħala team. Jekk tħaddnu dawn il-prinċipji l-għan ikun intlaħaq.
Minn nhar it-Tnejn ser tkunu fuq il-lant tax-xogħol. Kulħadd sejjer fejn huwa bżonnjuz. Tkunu fejn tkunu ser nitlobkom tagħmlu l-aħjar tagħkom. Kif tafu sew, illum l-orizzonti tagħkom twessgħu u l-kontribut li aħna qegħdin nagħtu biex nassiguraw il-paċi u l-prosperita’ qegħdin jeħduna l-barra minn xtutna. Nista’ ngħidilkom li d-determinazzjoni ta’ Malta biex tikkontribwixxi kif tista’, qiegħed jagħmel impatt.
Inħossni kburi meta kollegi tiegħi barra minn Malta jgħiduli kemm huma mpressjonati bil-professjonalita’ tas-suldati tagħna fl-Oċejan Indjan barra l-Kosta tas-Somalja, fejn jassiguraw fost l-oħrajn illi vapuri b’rifornimenti ta’ ikel jaslu għand min għandu bżonn.
Kburi meta nisma kemm huwa siewi l-kontribut tas-suldati tagħna fl-Uganda, fejn qed jgħallmu lil oħrajn biex dan ir-reġjun iqum fuq saqajħ u joffri liċ-ċittadini tiegħu l-opportunitajiet ġewwa darhom.
Kburi illi qed noffru servizz fil-Ġeorġia biex nassiguraw illi tinzamm il-kalma, u fil-Grecja fejn stakkament ta’ suldati Maltin qed jipparteċipa f’operazzjoni ta’ sorveljanza bejn il-fruntieri.
Jiena pero’ fuq kollox kburi b’dak is-suldat li hu x’inhu xogħolhu, b’lejalta’, impenn u diliġenza, jiżgura li l-Forzi Armati ta’ Malta jkunu ta’ servizz. Qajla tagħmel differenza għalija fejn qed jaħdem is-suldat. Fl-ajru, fuq il-baħar jew fuq l-art, f’Malta jew barra xtutna, il-kontribut tagħkom ser ikun bżonnjuż. Żommu f’moħħkom illi fl-aħħar mill-aħħar, is-suċessi li xi sezzjoni jew skwadra tottjeni, ser ikunu s-suċċessi ta’ kulħadd.
Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja lill-Prim Ministru tal-preżenza tiegħu fostna. Nirringrazzjaħ ghall-viżjoni li huwa jħaddan fir-rigward tal-Forzi Armati ta’ Malta u għall-fiduċja li hu konstantament juri fina. Grazzi wkoll lil dawk kollha li ħarrgukom tul dawn it-tmintax il-gimgħa. Kienet tassew parata eċċellenti li turi mhux biss l-impenn tagħkom, imma wkoll dak ta’ l-instructors tagħkom.
Grazzi wkoll lill-għezież tagħkom illi f’dawn l-aħħar gimgħat tawkom is-support meħtieġ. Nitlobhom ikunu kburin illi intom għaziltu li sservu lil Malta. Nitlobhom ukoll illi meta intom, suldati ta’ din il-Forza, ser ikollkom quddiemkom sfidi ġodda, jinkoraġġukom u jgħinukom tħarsu l-quddiem. L-esperjenza personali għallmitni illi jekk hemm is-support tal-għeżież tagħna, l-isfida nofsha mirbuħa bil-quddiem.
Fl-aħħar nett, lilkom quddiemi, f’isem il-membri kollha tal-Forzi Armati ta’ Malta nifirħilkom u nawguralkom suċċess fil-karriera tagħkom.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990