STQARRIJA TAS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAL NEGOZJI ŻGĦAR U ARTIJIET
L-Oppożizzjoni terġa’ tqasqas il-verita’ b’mod qarrieqi
Is-Segretarjat Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet jikkundanna bis-saħħa kollha il-mod qarrieqi illi bih sar l-editjar tad-diskors li sar il-bieraħ fil-Parlament mis-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi fis-servizz li xxandar fil-bulettin ta’ ONE News ilbieraħ it-Tlieta 18 ta’ Mejju 2010 u f’media oħra tal-Oppożizzjoni.
Għal darb’oħra il-media tal-Oppiżizzjoni ippruvat tagħti l-impressjoni totalment bil-maqlub għal dak li kien qed jgħid is-Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi fil-Parlament, waqt id-dibattitu dwar il-privatizzazzjoni tat-Tarzna.
Il-media tal-Oppożizzjoni għazlet li xxandar frażi biss mid-diskors tas-Segretarju Parlamentari, u ħalliet barra l-kumplament tas-sentenza, b’tali mod li inbidel is-sens tas-sentenza bl-intenzjoni li tingħata l-impressjoni opposta.
Mit-test komplut tad-diskors ta’ Jason Azzopardi joħroġ biċ-ċar is-sens tal-argument, li l-Oppożizzjoni ipprovat taħbi permezz tat-tqasqis deliberat.
Is-Sergretarju Parlamentari fid-diskors tiegħu tkellem dwar kif il-Gvern jemmen fil-potenzjal ta’ tarzna f’Malta “… aħna minflok iddeċidejna li nagħlqu kif kien hemm min beda jxewwex li aħna ħa nagħmlu, […] dana mhux l-għeluq tat-Tarzna, aħna irridu a new lease of life għat-Tarzna; dan huwa kapitlu ġdid, kapitlu sabiħ, kapitlu ta’ sfidi iva, pero’ ta’ opportunitajiet, u għax proprju għandna fiduċja, għandna tama sinċiera, illi dan is-settur jista’ mhux biss iqum fuq saqajh, jista mhux biss jistejqer, iżda jikkontribbwixxi għall-ekonomija tal-pajjiż b’mod reali u effettiv, …”
Dan huwa każ ieħor fejn l-Oppożizzjoni qed tqasqas il-verita’ għall-konvenjenza tal-mument biex jagħti impressjoni totalment żbaljata u qarrieqa. Għal darb’oħra l-Oppożizzjoni qed tmur kontra l-kodiċi ta’ etika li l-kap tal-oppożizzjoni Joseph Muscat kien qal li ser jorbot ‘l ġurnalisti tal-media tal-Oppożizzjoni bih meta sar mexxej.
F’Paragrafu 15, punt 5, ta’ dan il-kodiċi ta’ etika hemm:
5. L-editjar tal-intervisti għandu jsir b’mod ġust (fair); bl-editjar m’għandhomx jitgħawġu l-kummenti b’mod li toħrog tifsira ħazina jew barra mill-kuntest.
Dan każ ieħor fejn l-Oppożizzjoni qed jikser b’mod ċar il-kodiċi ta’ etika tiegħu stess għall-gwadann tal-mument.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990