JUM MALTA FIR-RENJU UNIT 2010 SER JIĠI ĊĊELEBRAT FIL-11 TA’ SETTEMBRU
Din is-sena, Jum Malta fir-Renju Unit ser jinżamm fil-11 ta’ Settembru f’Westminster, hekk kif jiġi ċċelebrat l-għaxar anniversarju ta’ dan l-avveniment. L-ewwel Jum Malta fir-Renju Unit kien ġie organizzat fis-sena 2000, wara inizjattiva tal-eks Kummissarju Għoli, Dr George Bonello Du Puis, li ħalliena kmieni din is-sena. Matul is-snin, Jum Malta fir-Renju Unit sab postu bħala l-avveniment annwali ewlieni fil-kalendarju tal-komunitajiet u individwi Maltin fir-Renju Unit.
Il-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Dr Tonio Borg u l-Arċisqof ta’Malta, l-E.T. Mons. Pawlu Cremona ser ikunu fost il-mistednin distinti li mistennija jattendu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena. Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta fir-Renju, is-Sur Joseph Żammit Tabona ser jinawgura din il-ġurnata billi jiftaħ uffiċċjalment il-Fiera ta’ filgħodu li ssir fis-Sala tal-Katidral ta’ Westminster.
Numru kbir ta’ Maltin jattendu din il-Fiera u jiġu bi ħgarhom minn diversi postijiet fir-Renju Unit – sabiex igawdu minn offerti varji ta’ ikel, xorb u prodotti artiġġjanali tipikament Maltin. Bħas-snin ta’ qabel, ser ikun hemm numru ta’ kumpaniji u organizzazzjonijiet Maltin li ser jesebixxu ix-xogħlijiet, il-prodotti u s-servizzi tagħhom. Waqt il-fiera, banda u kor ser idoqqu u jkantaw mużika u kanzunetti tradizzjonali Maltin.
Wara nofs in-nhar, l-Arċisqof ta’ Malta ser ikun il-konċelebrant prinċipali flimkien ma’ l-Arċisqof Nichols ta’ Westminster, li ser jipparteċipa ‘in choro’, waqt Quddiesa Konċelebrata fil-Katidral ta’ Westminster. Il-Kor Voci Angeliche mill-parroċċa tax-Xaghra, Għawdex ġew mistiedna biex ikantaw waqt din il-quddiesa. Kif tispiċċa l-quddiesa, ser tinħareġ l-istatwa tal-Bambina mill-Katidral u tittieħed f’purċissjoni mat-toroq ta’ Westminster. Din il-purċissjoni tiġi fi tmiemha fit-triq ta’ Westferry quddiem il-Kappella tal-Qalb Imqaddsa, fejn issir ċerimonja tal-għeluq u jindaqqu l-innijiet nazzjonali ta’ Malta u tar-Renju Unit.
Bħas-snin ta’ qabel, wara ċ-ċelebrazzjonijiet f’Westminster, ikun hemm Pranzu Gala fil-lukanda The Hyatt Regency. Għal aktar informazzjoni dwar il-fiera, il-quddiesa u l-pranzu, wiehed jista’ jikkomunika mal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fuq 0044 (0)207 292 4800 jew events.london@gov.mt
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990