IR-RIJABILITAZZJONI TAL-QORTIN: INIZJATTIVA OĦRA B’RISQ EKO-GĦAWDEX
Id-deċiżjoni tal-Gvern li l-Qortin tinbidel f’park għall-familja hi inizjattiva oħra biex Għawdex jiżviluppa fi gżira ekoloġika fejn jiżdiedu l-postijiet ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin u għat-turisti.
L-għoti tal-permess tal-MEPA lbieraħ relatat mar-rijabilitazzjoni tal-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra, ser iwassal biex dik li kienet l-ikbar ġerħa ambjentali tinbidel f’sit li jikkumplimenta l-ambjent naturali tal-madwar. Dan hu possibbli wara li fl-2004 kien ingħalaq dan il-post fejn ma baqgħax jintrema aktar skart u beda l-proċess biex jitneħħew il-gassijiet biex b’hekk titjieb ukoll il-kwalità tal-arja.
L-għeluq tal-miżbla fil-Qortin fisser l-għeluq ta’ dak li kien l-akbar sors ta’ tniġġis f’Għawdex. Dan kien wieħed mill-passi l-iktar importanti li saru u li servew biex il-gvern ikun jista’ jniedi l-viżjoni tiegħu ta’ gżira ekoloġika għal Għawdex.
F’Għawdex ġew introdotti aktar prattiċi favur l-ambjent fosthom is-separazzjoni tal-iskart, il-ftuħ ta’ faċilità għal ġbir ta’ skart goff u tħabbar it-twaqqif ta’ Waste Transfer Station. ‘Dawn huma elementi fundamentali li jgħinu biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri ta’ żvilupp sostenibbli u biex Għawdex jinbidel fi gżira ekoloġika li fiha jkompli jinħoloq aktar xogħol fi gżira li għandha potenzjal uniku’, qalet il-Ministru Giovanna Debono.
L-approvazzjoni tal-MEPA għall-proġett ta’ landscaping fuq il-miżbla tal-Qortin ser twassal biex tkun tista’ ssir rijabilitazzjoni tal-pajsaġġ li jinkludi wkoll tħawwil ta’ għadd ta’ siġar. Dan ser ikun wieħed minn erba’ siti fejn ser isiru proġetti ta’ afforestazzjoni fi ħdan il-pjan ta’ azzjoni tal-Ministeru għal Għawdex marbut ma’ eko-Għawdex. Siti oħra li ġew identifikati jinkludu l-Qortin tan-Nadur, Ġnien it-tliet Għoljiet f’Marsalforn u l-estensjoni tal-bosk Papa Ġwanni XXIII fl-Imġarr.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990