DISKORS MILL-O. MARIO DE MARCO, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA, META NIEDA S-SIT ELETTRONIKU GHALL-KAMPANJA DWAR IT-TURIZMU: ‘APPREZZA …. WAQT LI TURU JŻUR L-ISKEJJEL’ – PEMBROKE PRIMARY SCHOOL – 13 MEJJU 2
Għaliex kampanja edukattiva dwar it-Turiżmu? M’hemmx għalfejn nisħaq fuq l-importanza ekonomika tat-turiżmu. Nafu li f’Malta, it-turiżmu jiġġenera b’mod dirett madwar 10% tal-valur miżjud nazzjonali, li jitla’ għal madwar 25% meta wieħed iqis impatti ndiretti u li jirriżultaw mill-infiq tat-turiżmu. L-industrija tat-turiżmu timpjega ukoll eluf ta’ nies u għalhekk huwa necessarju li nkabbru l-apprezzament għal dak kollu li jikkontribwixxi għat-turiżmu. Wieħed jista’ jsemmi l-baħar, il-veduti li għandna, l-istorja rikka li għandna, l-arti Maltija, il-lingwa Maltija, l-istil ta’ ħajja tagħna. L-attività turistika għandha wkoll valur soċjali u valur ambjentali li nixtiequ nisħqu fuqu wkoll.
Din il-kampanja edukattiva hija għat-tfal, għat-tfal li għandhom bejn 6 u 13-il sena, maqsuma fi tlett faxex ta’ etajiet. Għaliex kampanja edukattiva għat-tfal? It-tfal jirrappreżentaw il-ġenerazzjonijiet futuri u għalhekk irridu minn meta jkunu żgħar ngħallmuhom dwar Malta, ngħallmuhom japprezzaw u wkoll jaqsmu dak li jkunu tgħallmu, għada pitgħada, man-nies barranin li jiltaqgħu magħhom jew li jitħajru jiġu Malta. Barra minn hekk it-tfal kapaċi jgħaddu messaġġi pożittivi lil dawk ta’ madwarhom, lill-ġenituri tagħhom, fil-familja tagħhom, ma’ sħabhom.
Il-messaġġ li nixtiequ ngħaddu lil dawn it-tfal permezz ta’ din il-kampanja hu: aġixxi b’mod responsabbli u apprezza dak li għandna. Fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa l-prodott turistiku Malti.
Essenzjalment nixtiequ bidla pożittiva fl-attitudni speċjalment biex immantnu l-ospitalità Maltija u l-għarfien dwar Malta.
Biex ngħaddu dan il-messaġġ qed nizviluppaw għodda kemm għall-għalliema kif ukoll għall-ġenituri u edukaturi oħrajn. Filwaqt li t-tfal ikunu qed jitgħallmu, jkunu wkoll qed jieħdu gost, bħal fil-każ ta’ dawn l-attivitajiet li qed nagħmlu fl-iskejjel, bħal din li qed issir bħalissa, hawnhekk.
Wara li għamilna numru ta’ inizjattiva bħala parti minn din il-kampanja, illum qed inniedu s-sit elettroniku ta’ din il-kampanja Apprezza – www. apprezza.org.mt Il-website tinkludi informazzjoni għal faxex kollha tal-udjenza, skond l-età tat-tfal. Insibu sezzjoni dedikata għall-għalliema u l-ġenituri, filwaqt li għandna sezzjoni speċjali għat-tfal iż-żgħar fejn jiltaqgħu ma’ ‘Turu’.
Il-website hija waħda mill-mezzi ta’ komunikazzjoni mill-iktar importanti speċjalment fil-ġurnata tal-lum. Illum, it-tfal igħidulek “Turu ma jeżistix għax ma ssibux fl-internet”. Is-sit elettroniku tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar l-attivitajiet li għamilna u li ser nagħmlu fil-kampanja ‘Apprezza’. Il-website hija proċess kontinwu li għandha bżonn tkun aġġornata kontinwament biex tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-kampanja kif ukoll tal-udjenza. Xi affarijiet li jikrejaw it-tfal ukoll ser jidhru fuq is-sit elettroniku.
Il-Kampanja għandha l-għan li ma teskludi l-ebda grupp mis-soċjetà u t-teknoloġija informatika hija mezz perfett biex tolqot il-bżonnijiet ta’ nies differenti. Il-web-portal tal-kampanja għat-turiżmu, hija b’żewġ lingwi – bil-Malti u l-Ingliż, u hija wkoll aċċessibli minn persuni b’diżabilita’.
‘Turu’ qed igħinna biex ngħaddu l-messaġġ tal-kampanja lit-tfal ta’ bejn 6 u 8 snin. Mill-attivitajiet li diġa’ saru, ir-rispons tagħkom l-għalliema kif ukoll tat-tfal kien ferm pożittiv. Flimkien ma’ ‘Turu’ u l-Avventuri tiegħu, it-tfal jistgħu jitgħallmu dwar il-valuri u tagħrif essenzjali ieħor għat-turiżmu minn meta jkunu żgħar.
Mill-bidu ta’ Marzu sa Ġunju ta’ din is-sena, flimkien ma’ ‘Turu’ bdejna serje ta’ attivitajiet f’31 skola f’Malta u Għawdex. Dawn l-attivitajiet ser ikollna l-okkażjoni li narawhom illum.
Aktar minn 1,500 student minn Skejjel tal-Gvern u tal-Knisja ser jkunu attendew dawn l-attivitajiet. Nixtieq ninkoraggixxi lill-iskejjel indipendenti privati biex ukoll jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet.
Dan kollu ma nistgħux nagħmluh mingħajr l-għajnuna u l-koperazzjoni tal-Ministeru ghall-Edukazzjoni, il-prinċipali tal-Kulleggi, l-iskejjel, u l-għalliema li wrew interess kbir f’dawn l-attivitajiet. Irrid nieħu l-okkażżjoni biex nirringrazzja lil kull min b’xi mod qed jagħti l-kontribut tiegħu għal ‘Apprezza’.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990