JIĠI MNIEDI L-PAKKETT TAR-RIŻORSI GĦALL-GĦALLIEMA B’RABTA MA’ EKO-GĦAWDEX
Inizjattiva oħra b’rabta mal-viżjoni tal-gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika, hija dik li ġiet imnedija dalgħodu fl-Iskola Primarja ta’ Għajnsielem, fejn il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono nediet il-pakkett tar-Riżorsi għall-Għalliema fuq temi marbuta ma’ żvilupp sostenibbli.
Dan il-pakkett mistenni jintuża waqt lezzjonijiet fl-iskejjel primarji u sekondarji madwar Għawdex, hekk kif tibda s-sena skolastika li ġejja. Il-materjal li jinsab f’dawn il-pakketti tħejja minn ħmistax-il għalliem li jgħallmu suġġetti varji fl-iskejjel primarji u sekondarji ta’ Għawdex bil-koordinazzjoni tad-Direttur taċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Ambjentali u Riċerka fl-Università ta’ Malta, Dr Paul J. Pace.
Dan il-pakkett tar-Riżorsi għall-Għalliema jipprovdi materjal neċessarju waqt it-tagħlim tal-lezzjonijiet marbuta mal-Kurrikulu Nazzjonali fuq temi dwar Għawdex u dwar l-iżvilupp sostenibbli. Dawn jinkludu preżentazzjonijiet, videos, logħob, handouts, fieldwork, u programmi għal żjajjar f’siti ta’ interess. Minbarra s-suġġetti bħall-Istudji Soċjali, l-Arti u x-Xjenza, dan il-pakkett jista’ jintuża wkoll waqt it-tagħlim tal-lingwi fosthom il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan u l-Franċiż. Il-kontenut f’dan il-pakkett jinkludi wkoll suġġetti marbuta mal-identità tal-gżira ta’ Għawdex bħal fost l-oħrajn, il-produzzjoni ta’ l-għasel, il-ħitan tas-sejjieħ, l-agrikoltura u l-festi.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li dawn il-pakketti tar-riżorsi għall-għalliema se jżidu l-għodda ta’ tagħlim fil-klassijiet, filwaqt li jkattru l-għarfien dwar Għawdex u l-karatteristiċi ewlenin tiegħu. Hija żiedet tgħid li huwa maħsub li dawn il-pakketti jiġu mqassma wkoll fi skejjel f’Malta. B’hekk il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed juża dawn ir-riżorsi wkoll, biex jippromwovu u jnisslu interess fil-gżira ta’ Għawdex fost l-istudenti Maltin.
Matul din l-attività, li kienet imżewqa minn mima li ppreparaw it-tfal ta’ l-iskola primarja ta’ Għajnsielem għall-okkażjoni, ġiet ukoll ippreżentata lezzjoni ġewwa klassi li permezz tagħha ntwera kif se jiġi użat fil-prattika l-materjal provdut. Wara l-Ministru għal Għawdex ippreżentat il-pakketti tar-riżorsi lill-Kapijiet ta’ l-iskejjel primarji u sekondarji madwar Għawdex, biex dawn imbagħad jgħadduhom lill-għalliema fl-iskejjel rispettivi tagħhom. Preżenti kien hemm ukoll l-Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, l-Onor. Frederick Azzopardi u Dr. Paul J. Pace.
Fid-dawl tal-viżjoni Eko-Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex il-bieraħ nieda kampanja ta’ informazzjoni mmirata lejn l-Għawdxin infushom kif ukoll għall-Maltin li jqattgħu l-btajjel tagħhom f’Għawdex. Din il-kampanja hija bbażata fuq sitt messaġġi li għandhom l-għan li jqajjmu aktar kuxjenza fost il-Maltin u l-Għawdxin għall-ħarsien ambjentali u kulturali tal-gżira Għawdxija.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990