Left arrow Go Back

ATTIVITÀ TA’ JUM L-EWROPA - PRELUDJU GĦAL-LEJLET LAPSI NOTTE GOZITANA 2010

PR0833
Date Icon 09/05/2010

Aktar minn mitt tifel u tifla li jattendu skejjel fi ħdan il-Gozo College dalgħodu nġabru fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, fejn taw wirja mħawwra minn teatru, żfin u moviment b’temi Ewropej, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa. Waqt din l-attività t-tfal użaw bnadar ta’ l-Unjoni Ewropea, li pinġew huma stess, u wasslu messaġġi varji fosthom dak tad-diversità.

Din l-attività kienet parti minn programm ta’ attivitajiet imtella’ mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta bil-kollaborazzjoni ta’ l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta fl-okkażjoni tas-sittin anniversarju mid-dikjarazzjoni ta’ Robert Schuman. Dawn l-attivitajiet huma wkoll intiżi biex iqajmu iżjed kuxjenza dwar l-importanza ta’ l-iżvilupp personali, soċjali u ekonomiku u biex jiġu promossi prattiċi tajbin li jistimulaw l-edukazzjoni, ir-riċerka u diskussjoni b’saħħitha.

Meta tkellmet fil-ftuħ ta’ din l-attività, il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, qalet li Jum l-Ewropa nibet wara esperjenzi ħarxa ta’ gwerer fejn ġew imwarrba l-valuri tat-tolleranza u soċjetà inklużiva. Saħqet li l-okkażjoni ta’ llum għandha sservi biex jiġu msaħħa l-valuri ta’ ħbiberija, għaqda u tolleranza bejn il-popli.

Dan jgħodd b’mod partikolari f’din is-sena li ġiet iddedikata mill-Kummissjoni Ewropea bħala sena ta’ ħidma u inizjattivi biex jiġu megħluba l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-Ministru Debono żiedet tgħid li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea mhux biss saħħet id-drittijiet u l-libertajiet li ġew miksuba permezz ta’ l-indipendenza iżda  permezz tagħha ġew miksuba oħrajn li komplew iwessgħu l-orizzonti għal kull wieħed u waħda minna.

Għal din l-okkażjoni attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said. 

Din l-attività, flimkien ma’ oħrajn fetħet sensiela ta’ attivitajiet li qegħdin jintroduċu programm intensiv fi tmiem il-ġimgħa li ġejja, bħala parti mill-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Lejlet lapsi – Notte Gozitana. Il-programm, li ġie mniedi u ser jibda jitqassam f’dawn il-jiem, jinkludi wirjiet artistiċi storiċi u oħrajn aktar moderni, mużika, żfin, divertiment u tradizzjoni. Attrazzjoni partikolari ser tkun imtella’ nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Mejju b’kunċert mill-banda tal-forzi armati u wirja minn erba’ ajruplani żgħar mtajra minn bdoti professjonali taljani.  Dan il-programm ġie deskritt bħala wieħed li jiġbor il-passat, il-preżent u l-futur ta’ Għawdex u għalhekk jipprometti attivitajiet li għandhom jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow