AKTAR XOGĦLIJIET FUQ TOROQ RESIDENZJALI MILL-KUNSILLI LOKALI F’GĦAWDEX
Il-Kunsill Lokali tan-Nadur bħalissa għaddej b’xogħolijiet estensivi fuq Triq Dun Bernard Haber li jinvolvi tibdil tal-main tal-ilma, servizzi tal-ilma u kisi tat-triq. Dan ix-xogħol huwa parti minn programm ta’ xogħlijiet li jinkludi wkoll xogħol fuq Triq il-Kapillan, Triq Rakela Camilleri u Triq Madre Ġemma Camilleri. Ix-xogħol fuq dawn it-toroq għandu jibda dalwaqt.
Waqt żjara fuq ix-xogħlijiet li għaddejin bħalissa, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said, qal li l-Gvern qed jgħin lill-kunsilli lokali biex iwettqu xogħlijiet fuq it-toroq mhux biss permezz ta’ żieda fl-allokazzjoni diretta, iżda wkoll permezz ta’ tibdil fil-liġi fejn issa l-kunsilli lokali jistgħu jidħlu f’public private partnership ma’ kuntratturi privati. Chris Said kompla li l-kunsilli lokali li jidħlu għal public private partnership se jibbenefikaw ukoll minn żieda fl-allokazzjoni finanzjarja għat-toroq.
Il-Kunsill Lokali tan-Nadur huwa wieħed mill-kunsilli li se jidħlu f’public private partnership u permezz tiegħu se jkun jista’ jsir xogħol fuq Triq San Ġakbu, Triq Xjuf ir-Riħ, Triq Grunju, Triq San Andrija, Triq ta’ Mattiju, Truq il-Buskett, Triq Dun Grezz Buttigieg u Triq il-Mitħna .
Chris Said qal li l-Gvern jemmen li huma l-kunsilli lokali l-aktar li jistgħu jifhmu l-ħtiġijiet u l-prioritajiet tal-lokalitajiet tagħhom u għalhekk, permezz tat-tiġdid tal-kunsilli lokali, l-istess kunsilli qed jingħataw l-għodda sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħlijiet meħtiega fuq it-toroq. Dan jassigura kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti u jgħin ‘il kunsilli lokali jilħqu l-aspettativi tar-residenti tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li, flimkien mal-indafa, it-toroq kienu l-aktar tema msemmija mir-residenti waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni tat-tiġdid tal-kunsilli lokali u kien għalhekk li l-Gvern ried jgħin lill-kunsilli jwettqu x-xogħlijiet meħtieġa fuq it-toroq tal-lokalità tagħhom.
Chris Said qal li s’issa kien hemm 39 kunsill lokali li applikaw biex jidħlu f’public private partnership u kompla li l-Gvern qed jistenna li permezz ta’ din l-iskema se jkun hemm investiment ta’ madwar 10 miljun Euro f’xogħolijiet fuq toroq residenzjali madwar Malta u Għawdex.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990