IL-MEUSAC JIDDISKUTI R-REVIŻJONI TAD-DIRETTIVA DWAR IL-ĦIN TAX-XOGĦOL
F’Marzu li għadda, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni dwar ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Is-sena l-oħra, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri ma kienux qablu dwar il-proposta preċedenti tal-Kummissjoni. L-għan tal-Komunikazzjoni l-ġdida hu biex il-Kummissjoni ssir taf il-fehmiet tal-imsieħba soċjali dwar id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-UE fir-rigward ta’ din id-Direttiva.
Din il-Komunikazzjoni ġiet diskussa mill-Core Group tal-MEUSAC fil-laqgħa li saret il-Ġimgħa, 30 ta’ April. Dott. Noel Vella, Direttur għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, ippreżenta l-punti ewlenin tal-Komunikazzjoni lill-membri tal-Core Group. Semma li l-kwistjonijiet prinċipali li dwarhom hemm diskussjoni miftuħa huma:
· Is-sigħat tax-xogħol: il-ġimgħa medja ta’ xogħol ma tkunx ta’ iktar minn 48 siegħa, u l-possibiltà ta’ deroga (opt-out) fejn il-ġimgħa medja ta’ xogħol f’xi pajjiżi membri tkun iktar minn 48 siegħa.
· Il-ħin ta’ disponibbiltà (on-call): f’xi setturi, il-ħin tax-xogħol jinkludi perjodi ta’ ħin ta’ disponibbiltà fejn il-ħaddiem huwa obbligat li jibqa’ preżenti fil-post tax-xogħol u jkun lest li jaħdem jekk jissejjaħ biex jagħmel dan. Dan it-tip partikolari ta’ flessibbiltà tal-ħin tax-xogħol joħloq il-problema ta’ kif għandhom jiġu kkalkulati s-sigħat tax-xogħol u l-perjodi ta’ mistrieħ.
· Flessibbiltà fuq is-sigħat medja ta’ xogħol fil-ġimgħa.
Dott. Vella tenna li sigħat twal fuq il-post tax-xogħol jistgħu jkollhom effetti ħżiena fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Fl-2006, f’Malta sar studju ta’ 500 impjegat fis-settur pubbliku u f’dak privat fejn irriżulta li iktar minn 10% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ jaħdmu iktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa b’mod regolari. Huwa qal li l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huwa l-għan ewlieni tad-Direttiva. Madankollu, għandhom jitqiesu wkoll għanijiet oħra, fost dawn, l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol li għandhom iwasslu għal titjib fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, billi jipprovdu lill-ħaddiema bil-ħin li jeħtieġu biex iwettqu r-responsabbiltajiet familjari tagħhom.
B’mod ġenerali d-diskussjoni iffukat fuq is-sigħat tax-xogħol. Il-membri tal-Core Group esprimew pożizzjonijet differenti dwar l-użu tad-deroga.
Issemma kif Malta hija l-uniku pajjiż membru tal-UE fejn il-unjins u l-għaqdiet ta’ min iħaddem jaqblu li d-deroga m’għandix titneħħa mid-Direttiva.
Preżenti għal-laqgħa, li kienet ippreseduta minn Dott. Chris Said, Segretarju Parlamentari għal Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, kien hemm Dott. Vanni Xuereb (Kap tal-MEUSAC), Dott. Godwin Grima (Segretarju Permanenti Ewlieni), is-Sinjura Cecilia Attard Pirotta (Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin), is-Sinjorina Graziella Pullicino (A/Kap, Segretarjat UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru), is-Sinjura Sylvia Gauci (Segretarju Eżekuttiv, MCESD), is-Sinjura Helen D’Amato, Dott. Josette Grech, is-Sur Michael Briguglio (AD), is-Sinjura Mary Ann Sant Fournier (CMTU), is-Sinjorina Abigail Mamo (GRTU), is-Sur Tony Zarb (GWU), is-Sur Joe Grech (GBC), l-Inġ. Ray Muscat (MCCEI), Dott. Paul De Battista (Malta Employers’ Association), is-Sur Joe Attard (MHRA), l-Onor. Frederick Azzopardi (PN), is-Sur Jesmond Bonello (UĦM), is-Sinjura Anna Borg, is-Sur Benjamin Rizzo, is-Sur Gino Schiavone (rappreżentanti tas-soċjetà ċivili), Dott. Diane Farrugia (Segretarju), kif ukoll xi membri sostituti, membri tal-istaff tal-MEUSAC, tas-Segretarjat għall-UE fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kif ukoll uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi.
Matul il-laqgħa tħabbar li l-Azzjoni Nazzjonali nfurmat lis-segretarjat tal-MEUSAC li kienet qed tirtira r-rappreżentanza tagħha fil-Core Group minħabba żviluppi interni fil-partit.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990