Left arrow Go Back

L-ARTI L-AQWA REKLAM GĦAL PAJJIŻNA

PR0754
Date Icon 29/04/2010

Siltiet minn diskors li s-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, l-Onor Mario de Marco għamel meta introduċa l-ewwel Festival ta’ Arti u Artiġġjanat Marbuta mal-Armar tal-Festa fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, il-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu

Il-festi jagħmlu lil Malta iktar Maltija. Iżda qatt staqsejtu x’tinvolvi l-organizazzjoni ta’ dawn il-festi? Kemm hemm mijiet ta’ voluntieri wara l-organizazzjoni tal-festi?

Il-festi fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna kkontribwew b’mod qawwi sew għall-kultura tal-mużika kif ukoll għall-arti u l-artiġġjanat taħt id-diversi forom tagħhom: mid-disinn, għall-pittura, l-iskultura u l-induratura. Il-festi huma parti mill-kultura popolari ta’ ġensna.

Il-festi ta’ barra jserrħu fuq żewġ pilastri: il-mużika u l-armar. Ħafna mill-baned nibtu f’pajjiżna biex jikkontribwixxu għall-festa tal-Qaddis Patrun tal-belt jew raħal. Il-baned tul iż-żmien ikkontribwew biex xterdet il-kultura tal-mużika. Dan hu possibli anki għaliex il-każini tal-baned huma wkoll skejjel tal-mużika fejn mijiet ta’ żgħażagħ jiġu fl-ewwel kuntatt tagħhom ma’ strument mużikali. Illum hawn f’pajjiżna madwar 4,000 bandist li tista’ tgħid ħarġu kollha mill-iskejjel tal-mużika tal-istess baned.

Ħafna mill-każini tal-baned jagħtu wkoll sehemhom għall-armar tal-festa tal-lokalità mhux biss permezz tal-planċier li minn fuqu jdoqqu fil-festa – f’ħafna każi anki il-planċier hu xogħol kbir tal-arti – iżda anki permezz ta’ armar li jaħdmu għat-toroq tar-raħal jew il-belt fejn ikunu.

F’kull belt u f’kull raħal f’Malta u Għawdex insibu wkoll il-gruppi tal-armar. Dawn bejniethom jagħmlu armata ta’ madwar 3,000. Dawn jaħdmu b’mod volontarju bejn festa u oħra biex iżejjnu u jarmaw il-pjazza tal-Knisja u t-toroq tal-lokalità. Dan hu xogħol ta’ sengħa kbira li mhemmx dubbju li kkontribwixxa lejn diversi snajja f’pajjiżna. Snajja li forsi kienu jintilfu li kieku ma kenux il-festi.

Il-festi huma wkoll il-vetrina tal-arti, dik l-istess arti Maltija li hi l-aqwa reklam għall-Maltin. Din l-arti hi ammirata mhux biss mill-Maltin iżda wkoll mit-turisti li jkunu fostna fix-xhur tas-sajf, li jitgħaxxqu bil-festi tagħna, li jipparteċipaw bi ħġarhom, li jibqgħu impressjonati bl-armar li jaraw fil-pjazez u t-toroq ta’ pajjiżna. Li kultant ma jkunux iridu jemmnu li dak li jkunu qed jaraw hu xogħol il-voluntieri, li jibdew jaħdmu mill-għada li tgħaddi l-festa biex imbagħad fil-ġimgħa tal-festa jitpaxxew b’dak li jkunu għamlu b’tant sagrifiċċji.

Il-ħsieb ta’ ‘Heritage Malta’ li ttella’ l-ewwel Festival tal-Arti u Artiġġjanat Marbuta mal-Armar tal-Festi kien għalhekk wieħed fid-direzzjoni t-tajba għaliex permezz ta’ dan il-festival qed niskopru iżjed il-patrimonju intanġibbli ta’ pajjiżna. F’dan il-festival qed naraw u niskopru iżjed x’ħidma hemm wara l-armar tal-festi. Qed insegwu l-arti u l-artiġġjanat fuq xogħol ta’ disinn, ħjata, sfumar, pittura għal armar ta’ drapp, xogħol fl-injam u fil-fibre, irħamar, skultura, induratura, xogħol tal-landi, statwi għal armar monumentali.

Dan il-festival hu ċelebrazzjoni tas-snajja’ lokali minn mijiet ta’ persuni li għandhom għal qalbhom il-festi tal-lokalità u li qed jgħaddu dak li tgħallmu minn ta’ qabilhom lil tal-lum u lil dawk li ser jiġu warajhom. Min ser iżur dan il-festival ser ikun jista’ jsegwi 13-il sengħa differenti marbutin max-xogħol tal-festi.

Irrid nieħu l-okkażjoni biex nifraħ lil Heritage Malta tal-ħsieb tagħhom wara dan il-festival. Irrid rrodd ħajr lil kulmin jikkontribwixxi għall-festi tagħna. Lill-eluf ta’ voluntieri li mingħajr il-ħidma diżinterssata tagħhom il-festi ta’ barra ma jkunx possibbli li jiġu organizzati.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow