L-ISPEAKER LOUIS GALEA ISELLEM LILL-OMBUDSMAN U LILL-AWDITUR ĠENERALI
Lejlet li ser itemm il-kariga tiegħu ta’ Speaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Louis Galea żar l-uffiċċji tal-Ombudsman u tal-Awditur Ġenerali, b’rikonoxximent tal-importanza tal-funzjoni kostituzzjonali u parlamentari tagħhom u b’ħajr għall-kollaborazzjoni tagħhom mal-Parlament fil-ħarsien tal-interessi u d-drittijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Sew l-Ombudsman kif ukoll l-Awditur Ġenerali huma uffiċjali tal-Parlament maħtura b’vot ta’ għal l-anqas żewġ terzi tal-Membri Parlamentari u fil-ħidma tagħhom jirrappurtaw lill-Parlament permezz tal-iSpeaker.
Fl-ewwel żjara tiegħu dalgħodu, l-Onor. Louis Galea iltaqa’ mal-Ombudsman Dr Joseph Said Pullicino u l-impjegati tal-uffiċċju tiegħu. L-iSpeaker irringrazzja lill-Ombudsman għall-mod effettiv kif l-uffiċċju tiegħu qed iwettaq il-missjoni tiegħu li jassigura ġustizzja fil-qasam tad-deċiżjonijiet amministrattivi pubbliċi li jistgħu jolqtu ħażin lil xi persuna.
“Is-serjetà u l-imparzjalità li wera l-Ombudsman sa mit-twaqqif tiegħu mhux biss servew bħala sur ta’ protezzjoni għal kull min ħass il-bżonn tagħha, iżda saħħew il-kredenzjali ta’ Malta bħala pajjiż modern u ta’ serjetà, li jimxi fuq id-dritt tal-liġi u l-ġustizzja amministrattiva. Dawn huma valuri ta’ importanza kbira f’dinja fejn l-iżvilupp ekonomiku qed ikun karatterizzat minn inċertezzi u fejn l-investiment lokali u barrani qed ifittxu dejjem aktar sisien sodi ta’ amministrazzjoni pubblika serja u ta’ min joqgħod fuqha,” sostna Louis Galea.
L-iSpeaker awgura li l-emendi li l-Kumitat Magħżul qabel fuqhom għal-liġi dwar l-Ombudsman u li dalwaqt jiġu diskussi mill-Parlament ikomplu jsaħħu l-istituzzjoni tal-Ombudsman.
L-Ombudsman Dr Said Pullicino qal li japprezza l-kliem tal-iSpeaker dwar ix-xogħol siewi li jwettaq l-Uffiċċju tiegħu fl-interess tad-dritt ta’ kull ċittadin għal amministrazzjoni tajba mis-servizz pubbliku. Hu rringrazzjah ukoll tal-ħidma tiegħu biex il-Kumitat Magħżul tal-Kamra wasal għal qbil dwar il-proposta biex l-Uffiċċju tiegħu jiġbor taħtu, istituzzjonijiet oħra ta’ skrutinju amministrattiv li l-liġi dwarha se tiġi diskussa fil-Parlament dalwaqt. L-Ombudsman fisser li dan il-proċess ta’ konverġenza diġà qed jitwettaq u l-Ombudsman tal-Università qed jaħdem fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu waqt li twessa’ wkoll il-mandat tiegħu fuq istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla bħall-MCAST u l-Istitut għal Studji Turistiċi.
L-Ombudsman fisser ukoll li għandu jkun il-Parlament, permezz ta’ Kumitat tiegħu, li jasal għal deċiżjoni politika dwar każijiet li jimmeritaw dwar jekk għandhiex titwettaq jew le rakkomandazzjoni mill-Ombudsman biex tissewwa inġustizzja amministrattiva li ssir, meta awtorità pubblika ssibha bi tqila timxi skond dak li jkun irrakkomanda l-Ombudsman.
Wara l-Ispeaker Louis Galea żar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fejn huwa ltaqa’ mal-Awditur Ġenerali, is-sur Anthony Mifsud, mad-Deputat Awditur Ġenerali, is-sur Charles Deguara, u mal-impjegati ta’ dan l-uffiċċju. Louis Galea, li ġimgħa oħra ser jibda l-ħidma tiegħu fil-Lussemburgu bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ġie preżentat b’Audit Manual aġġornat kompilat mill-Financial and Compliance Division tal-NAO u pubblikazzjoni dwar IT and Security Handbook plus a Data Protection Guidelines imħejjija mit-taqsima tal-IT tal-NAO.
F’din il-laqgħa mal-Awditur Ġenerali u d-Deputat Awditur Ġenerali, li bħala uffiċjali tal-Parlament jirrappurtaw direttament lil Mr Speaker u lill-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, li huwa presedut mill-Membru tal-Oppożizzjoni l-Onor. Charles Mangion, Dr. Louis Galea ġie aġġornat dwar il-ħidma li għaddejja bħalissa mill-NAO fuq eżerċizzji ta’ verifika u analiżi ta’ evalwazzjoni tal-performance f’oqsma pubbliċi differenti.
F’messaġġ tal-okkażjoni l-iSpeaker Louis Galea emfasizza li l-uffiċjali tal-NAO huma l-gwardjani għan-nom taċ-ċittadini tal-interessi tal-finanzi pubbliċi – the Guardians of the Public Purse. Huwa sostna li dan l-uffiċċju saħħaħ mhux ftit il-funzjoni tal-Parlament li jżomm lill-amministrazzjoni pubblika responsabbli u taħt skrutinju fin-nefqa pubblika u li tirrendi valur liċ-ċittadini ta’ dik in-nefqa.
Il-ħatra tal-Awditur Ġenerali u tad-Deputat tiegħu bis-saħħa tal-Kostituzzjoni kattret il-fiduċja fl-indipendenza u l-imparzjalità ta’ din il-kariga. L-iSpeaker irringrazzja lill-uffiċjali kollha tal-NAO għall-ħidma delikata tagħhom u għall-kollaborazzjoni effettiva li biha jaħdmu mal-Parlament.
“Bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jiena ser infittex li jkolli relazzjoni partikolarment attiva mal-NAO f’Malta. Beħsiebni naħdem biex ngħin ħalli f’pajjiżna nkomplu nsaħħu l-aħjar best practice u standards possibbli fil-verifika professjonali tal-ispiża u l-implimentazzjoni tal-budget fis-settur pubbliku. Nemmen li huwa mportanti ħafna li ninsistu li s-setturi sew pubbliċi kif ukoll privati jassiguraw sistemi effettivi u indipendenti ta’ verifika interna fuq l-operat finanzjarju tagħhom, kontrollati tajjeb minn sistemi ta’ verifika esterna indipendenti u imparzjali. Huwa d-dmir ta’ kull min għandu responsabilità li jissalvagwardja l-interessi finanzjarji taċ-ċittadini sew fil-qasam pubbliku kif ukoll fil-qasam privat, fejn illum għandna diversi kumpaniji sostnuti minn interessi finanzjarji tal-pubbliku. Il-kriżi finanzjarja li d-dinja għaddejja minnha turi biċ-ċar l-importanza ta’ sforz komuni biex f’kollox inxettlu kultura b’saħħitha ta’ verifika interna effettiva u indipendenti sostnuta b’mod kredibbli minn proċess ta’ verifika esterna. Dan hu essenzjali biex l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Malta jirnexxielu jilqa’ u jegħleb il-mewġ qawwi tal-kriżijiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien u biex insaħħu l-fiduċja tal-investituri lokali u barranin f’pajjiżna,” sostna Louis Galea.
l-Awditur Ġenerali s-sur Mifsud assigura li l-NAO ser ikompli jaħdem mill-qrib mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri permezz tal-parteċipazzjoni fil-Working Groups u fil-Liaison and Contact Committees. Huwa sostna wkoll li pubblikament ried jafferma u japprezza r-rispett sħiħ li ż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati juru għall-indipendenza u l-awtonomija tal-uffiċċju tiegħu.
Iż-żjara tal-iSpeaker seħħet dalgħodu hekk kif tlesta r-restawr fuq il-monument fil-Barrakka ta’ Fuq dedikat lill-fundatur tad-Dipartiment tal-Verifika fl-1814, Clement Martin Edwards. Ix-xogħol ta’ restawr sar mill-ħaddiema tal-gvern taħt id-direzzjoni tal-periti tat-Taqsima tar-Restawr tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990