Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar jidħol fit-tmien sena
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, Kultura u Ambjent, l-Onor. Mario de Marco dalgħodu żar lill-ħaddiema li qed jagħmlu l-aħħar preparazzjonijiet għat-tmien edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li ser isir fid-29 u t-30 ta’ April. Għal dan il-festival ser ikun hawn fostna ġurija ta’ tliet barranin, esperti fil-piroteknika.
Dan il-festival jagħmel ukoll parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea sitt snin ilu. Is-Segretarju Parlamentari ġie mdawwar max-xogħol li kien qed isir minn uffiċjali tal-kumitat organizattiv.
F’kumment li ta lill-ġurnalisti, s-Segretarju Parlamentari Mario de Marco sellem lill-vittmi tal-logħob tan-nar li mietu matul din is-sena. Hu qal li “l-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar hu ċelebrazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi fil-bidu tal-istaġun tal-festi u rigal lill-eluf ta’ turisti li jkunu fostna li anki jiċċelebraw magħna s-sitt anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.”
Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li din is-sena qed jipparteċipaw fil-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar disa’ Kmamar tan-nar lokali u zewg kumpaniji barranin. Hu qal li dan għandu jwassal biex ikun hemm kompetizzjoni u allura biex il-prodott ikun aqwa minn dak tas-snin l-imgħoddija. L-Onor de Marco ħabbar li fl-2012 ser tiġi organizzata f’Malta konferenza dinjija tal-piroteknika.
“Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar jittella’ ftit ġimgħat qabel l-ibliet u l-irħula f’pajjiżna jibdew jiċċelebraw il-festi tal-qaddisin titulari tagħhom. Għalhekk joffri lill-Maltin u lit-turisti li jkunu qed iżuruna togħma ta’ dak li jkunu ser jaraw tul ix-xhur kollha tas-sajf. Dan il-festival ifakkar ukoll avveniment importanti fl-iżvilupp politiku ta’ pajjiżna, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li minn mindu bdejna nagħmlu parti minnha, kibret minn 25 għal 27 pajjiż,” tenna Mario de Marco.
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent qal li għal darb’oħra, l-Port il-Kbir ser ikun il-post fejn ser jiġi organizzat dan il-festival.
Hu tenna li l-Port il-Kbir hu ċ-ċentru tal-attivitajiet f’pajjiżna, li jagħti kontribut qawwi għall-ħajja politika u soċjali ta’ Malta u li anki kabbar s-sehem tiegħu lejn is-settur turistiku bit-twettiq ta’ proġetti kbar bħal dak tal-Valletta Waterfront fuq naħa u tax-Xatt tal-Birgu, bil-yacht marina, il-Casinò di Venezia u l-ftuħ ta’ numru ta’ ristoranti fuq in-naħa l-oħra tal-istess port.
L-Onor. Mario de Marco irringrazzja lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għas-sehem tagħha biex jittella’ dan il-festival filwaqt li awgura lill-poplu Malti u Għawdxi kollu jipparteċipa bi ħġaru f’dan il-festival li issa daħal fil-kalendarju ta’ attivitajiet organizzati minn dan is-Segretarjat kull sena.
Il-programm sħiħ tal-Festival Intenazzjonali tal-Logħob tan-Nar 2010
29 ta’ April, 2010
21.00 Wirja li tagħti bidu għall-festival mill-Independent Fireworks Factory Qrendi
21.45 Wirja piro-mużikali mill-Orzella Fireworks Company (l-Italja)
21.40 Kompetizzjoni Maltija tal-Logħob tan-Nar minn fabbriki tan-nar Maltin:
· Lourdes Fireworks Factory – Naxxar
· St Nicholas Fireworks Factory – Siġġiewi
· La Stella Fireworks Factory – Gudja
22.15 Wirja kbira piro-mużikali mill-fabbrika ta’ Santa Marija, Mqabba
30 ta’ April, 2010
21.00 Wirja tal-ftuħ mill-Independent Fireworks Factory
21.15 Wirja kbira piro-mużikali mill-Mount Carmel Fireworks Factory, Żurrieq
21.40 Kompetizzjoni Maltija tal-Logħob tan-Nar
Tliet wirjiet kompetittivi qsar min fabbriku tal-logħob tan-nar Maltin:
· St Mary Fireworks Factory – Mġarr
· St Bartholomew Fireworks Factory – Ghargħur
· St Mary Fireworks Factory – Ghaxaq
22.30 Wirja grandjuża piro-mużikali mill-Parente Fireworks Factory – l-Italja
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990