Left arrow Go Back

KONFERENZA DWAR KARRIERI FIT-TURIŻMU F’GĦAWDEX

PR0727
Date Icon 27/04/2010

F’Għawdex ser terġa’ ssir il-ġimgħa dedikata lill-karrieri fit-turiżmu, wara l-interess li kient qajmet attività simili s-sena l-oħra. Dan tħabbar waqt konferenza li saret f’Għawdex għal rappreżentanti tas-settur turistiku f’Għawdex u oħrajn mill-qasam edukattiv. Il-konferenza nżammet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi ta’ Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent u Kultura; l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex flimkien ma’ l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.

Għal din il-konferenza attendew numru ta’ kapijiet ta’ skejjel, għalliema, u guidance teachers fi ħdan il-Gozo College, flimkien ma’ persuni nvoluti fil-qasam turistiku f’Għawdex. Din il-konferenza fetħet ġimgħa ta’ attivitajiet li għandhom l-għan li jżidu l-għarfien dwar il-possibilitajiet u l-opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam turistiku. L-attivitajiet li tħejjew matul din il-ġimgħa huma mmirati li jesponu dawn l-opportunitajiet fost studenti, ġenituri u dawk involuti fil-qasam edukattiv, biex b’hekk l-għażla ta’ karriera fil-qasam turistiku tkun tista’ tiġi kkunsidrata kif inhu mistħoqq.

Meta tkellmet waqt din il-konferenza, Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono, qalet li l-prodott turistiku Għawdxi jenħtieġ nies lokali li lesti li joffru servizz u jaħdmu fil-qasam turistiku. Għalhekk faħħret din l-inizjattiva li permezz tagħha studenti li qegħdin jagħmlu l-għażliet għall-karrieri tagħhom jistgħu jsiru jafu aktar dwar opportunitajiet li joffri dan is-settur. Il-Ministru spjegat kif l-Istitut għall-Istudji Turistiċi żied l-opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ għaż-żgħażagħ f’Għawdex filwaqt li qed ikun ukoll ta’ servizz għall-industrija turistika. “Dan l-Istitut huwa frott tal-kollaborazzjoni li kien hemm matul l-aħħar għaxar snin bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-industrija turistika f’Għawdex. Huwa xhieda ta’ l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex li jsostni u jippromwovi lil dan is-settur tant vitali għall-ekonomija tal-gżira,” qalet il-Ministru Debono.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Onor. Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u Kultura fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-Onor de Marco qal li Prodott Malta mhux biss il-wirt storiku ta’ pajjiżna li jmur lura 7,000 sena, l-irħula u l-bajjiet tagħna, il-lukandi, it-toroq u l-infrastruttura, iżda hu fuq kollox ir-riżorsi umani. Hu għalhekk li meta Malta tiġi reklamata barra minn pajjiżna, ma jsirx enfażi biss fuq il-patrimonju storiku u d-diversità tal-prodott tagħna, iżda wkoll fuq l-ospitalità li hija karatteristika tal-poplu Malti għal tant sekli. Hu qal li ż-żgħażagħ tagħna jenħtieġ li jkomplu jitħarrġu biex isiru jafu aktar dwar dak li jkun qed iseħħ fis-settur turistiku u kif dan qed jinbidel minn żmien għal żmien. Jenħtieġ li ż-żgħażagħ, impjieg fit-turiżmu jeħduh bħala karriera u mhux bħala xogħol transitorju bejn impjieg u ieħor. Filwaqt li huwa importanti li jkollna nies imħarrġa fis-settur, u f’dan ir-rigward huwa faħħar l-kontribut tal-ITS, l-MTA u l-Università għall-korsijiet li qed joffru, hu enfasizza li t-taħriġ ikun kontinwu. F’dan il-kuntest l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma ddumx ma tniedi programm ta’ taħriġ ko-finanzjat mill-UE bl-iskop li tgħolli l-abbiltà u tiċċertifika 1,380 impjegat f’livell għoli, fil-livell medju u f’livell ta’ superviżjoni f’setturi li jikkontribwixxu direttament u indirettament għall-industrja tat-turiżmu. Dan kollu jgħin biex fl-aħħar mill-aħħar jingħata servizz aħjar u jkollna livell ogħla ta’ sodisfazzjon fost it-turisti.

Saru preżentazzjonijiet informattivi mis-Sur Andre Arciola mill-MTA, is-Sur Joe Muscat mill-Gozo Tourism Association, u s-Sinjura Fleur Attard mill-ITS Gozo. Tkellmu wkoll is-sur Mario Apap u Ms Marie Claire Cassar li huma Guidance Teachers u Dr Nadia Theuma, Kap tad-Dipartiment ta’ l-Istudji Turistiċi fl-Universita ta’ Malta.

Il-programm ta’ attivitajiet li qed isiru bejn is-26 ta’ April u t-2 ta’ Mejju għal Careers in Tourism Week, jinkludi żjarat f’postijiet u stabbilimenti turistiċi f’Għawdex, bħal m’huma attrazzjonijiet turistiċi, postijiet agro-turistiċi, stabbilimenti tal-ikel u oħrajn li joffru akkomodazzjoni, fosthom lukandi u farmhouses. Dan ser jippermetti biex studenti li jattendu t-tielet u r-raba’ sena fl-iskejjel sekondarji Għawdxin, jiġu f’kuntatt dirett ma’ bosta servizzi offruti lit-turisti li jżuru lil din il-gżira. Attività interessanti ser issir illum it-Tlieta 27 ta’ April fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala. Matul dan il-jum il-faċilitajiet ta’ dan l-Istitut ser jippermettu biex l-istudenti jiltaqgħu ma’ personalitajiet Għawdxin li jaħdmu f’diversi oqsma tas-settur turistiku filwaqt li jsiru sessjonijiet prattiċi tax-xogħol rispettiv. L-attivitajiet jintemmu il-Ħadd 2 ta’ Mejju 2010, meta ser tinżamm open day fl-ITS fil-Qala. Il-ġenituri flimkien ma’ l-istudenti, għalliema u żgħażagħ li qed ifittxu xogħol jew jixtiequ jbiddlu x-xogħol li għandhom, qed jiġu mistiedna biex iżuru dan l-istitut sabiex isiru jafu aktar dwar il-korsijiet u l-faċilitajiet ġodda li qed joffri dan l-Istitut, kif ukoll bl-opportunitajiet ta’ xogħol u karrieri li joffri l-qasam turistiku Għawdxi għal futur tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow