Left arrow Go Back

INAWGURAZZJONI TA’ WIRJA DWAR L-ARTISTI BUSUTTIL F’GĦAWDEX

PR0723
Date Icon 26/04/2010

Aktar minn mija u ħamsin pittura, disinji u inċiżjonijiet magħmula minn diversi artisti minn tliet ġenerazzjonijiet tal-familja Busuttil jinsabu għall-wiri fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex u fil-Banca Giuratale fir-Rabat Għawdex, f’wirja intitolata “The Busuttil Artists – A legacy of three generations’.

Il-wirja li qed tiġi organizzata mill-Ministeru għal Għawdex flimkien ma’ Heritage Malta u l-Kummissjoni Arti Sagra tad-Djoċesi ta’ Għawdex tinkludi bosta xogħlijiet ta’ l-arti li ġejjin minn diversi palazzi u Ministeri tal-Gvern, mill-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti, minn diversi knejjes f’Malta u Għawdex u minn għadd ta’ kollezzjonijiet privati.

Il-wirja ġiet inawgurata mill-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi, fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono. Is-Sur Sandro Debono, Kuratur Anzjan responsabbli mill-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti għamel diskors dwar ix-xogħlijiet esebiti fil-wirja u dwar l-artisti.

Għal madwar seklu u nofs, il-Familja Busuttil għexet ftit passi biss ‘il bogħod minn fejn qed tiġi organizzata din il-wirja u bix-xogħlijiet tagħhom żejnu bosta knejjes, palazzi u djar privati. Din il-wirja qed tagħti stampa aktar ċara tal-kapaċitajiet artistiċi ta’ diversi membri ta’ din il-familja u bosta mix-xogħlijiet li qed jiġu esebiti għall-ewwel darba f’din il-wirja, żgur li ser jgħinu biex l-istatura tagħhom bħala artisti tiġi rivalutata u apprezzata aktar.

Din il-wirja qed tikkonċidi ma’ l-attivitajiet li l-Ministeru għal Għawdex qed iħejji għal-Lejlet Lapsi – Notte Gozitana, li din is-sena se ssir fl-14, 15, u 16 ta’ Mejju. Ta’ kull sena f’Lejlet Lapsi, il-Ministeru għal Għawdex jorganizza wirja li titratta dwar xi aspett partikolari tal-kultura, sabiex jikber l-apprezzament lejn l-arti u l-kultura tal-gżira.

Il-wirja tiftaħ kuljum u ser iddum miftuħa sal-31 ta’ Mejju. Il-ħinijiet tad-dħul huma bejn it-8.30am u l-4.00pm mit-Tnejn tal-Ġimgħa u mid-9.00am sa nofsinhar nhar ta’ Sibt u Ħadd. Id-dħul huwa mingħajr ħlas. Għal din il-wirja ġie ppubblikat ktieb li jinkludi diversi artikli li jitfgħu dawl ġdid dwar l-artisti Busuttil u jinkludi wkoll il-katalgu tal-wirja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow