STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA: IL-MINISTRU CRISTINA TILTAQA’ MAL-ISTUDENTI TAL-ISKOLA TA’ SANTA VENERA
Studenti mill-iskola sekondarja tas-subien fil-Kulleġġ Santa Tereża, illum niżlu bil-mixi lejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni fil-Belt Valletta, biex jipprotestaw kontra l-egħluq tal-iskola tagħhom (ex Umberto Colosso).
Kif it-tfal waslu l-Ministeru ntalbu jaħtru rappreżentanti tagħhom u fil-fatt ħames studenti telgħu jitkellmu mal-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina u d-Direttur Ġenerali għal Servizzi Edukattivi Micheline Sciberras. Preżenti kien hemm ukoll il-Prinċipal tal-Kulleġġ u l-Kap tal-Iskola li segwew lit-tfal minn Santa Venera sal-Belt Valletta biex jassiguraw ruħhom li ma jkunux fil-periklu.
Il-Ministru u d-Direttur Ġenerali spjegaw lill-istudenti r-raġuni għaliex l-iskola tagħhom minn Ottubru li ġej se tingħalaq u huma se jintbagħtu fi skejjel oħra, f’ambjent aħjar minn dak li qed jitgħallmu fih il-lum.
Huma spjegaw li l-binja fejn il-lum hemm din l-iskola kienet inbniet bħala birrerija. Iżda maż-żmien beda jinħass nuqqas ta’ skejjel biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-pajjiż wara li l-edukazzjoni saret obbligatorja sa 16-il sena u din il-birrerija li ma kinitx għadha tintuża ġiet adattata biex jibda jsir it-tagħlim fiha.
Minkejja li matul is-snin din l-iskola, li kienet magħrufa bħala Umberto Colosso, tat servizz u għaddew minnha għadd kbir ta’ studenti, u minkejja li minn żmien għal żmien saru xogħlijiet fiha, l-awtoritajiet edukattivi jħossu li issa li se jinħoloq spazju f’numru ta’ skejjel li joffru ambjent aħjar għat-tagħlim, kien fl-interess tal-istess studenti, li dawn jittieħdu fi skejjel aktar xierqa.
Il-Ministru spjegat lill-istudenti li dan iċ-ċaqlieq se jsir fl-interess tagħhom u li bħala studenti fi klassijiet huma kienu se jibqgħu flimkien ma’ sħabhom. Barra minn dan tħejja programm biex l-istudenti, fil-ġimgħat li ġejjin, iżuru l-iskejjel li se jmorru fihom f’Ottubru li ġej, biex jaraw dawn il-postijiet u jiltaqgħu mal-istudenti li issa se jkunu qed jitgħallmu u jaqsmu esperjenzi magħhom. Fil-jiem li ġejjin se jsiru wkoll laqgħat għall-ġenituri li jattendu din l-iskola biex ikun spjegat lilhom kif se jitqassmu t-tfal u r-raġuni għal dan iċ-ċaqlieq.
Kien spjegat ukoll lill-istudenti, li d-Dipartiment talab lill-għalliema u ħaddiema oħra li bħalissa qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom fl-iskola li se tingħalaq, biex juru l-preferenza fejn jixtiequ jmorru fis-sena skolastika li jmiss biex fejn ikun possibbli jkunu akkomodati dawn ix-xewqat.
Il-Ministru appellat lill-istudenti biex jispjegaw lil sħabhom li din il-bidla kienet se ssir fl-interess tagħhom stess u qaltilhom li kien ikun aħjar li kieku talbu biex jiltaqgħu mal-awtoritajiet qabel iddeċidew li jagħmlu protesti u joħolqu diffikultajiet għalihom infushom u jitilfu lezzjonijiet importanti.
Wara l-laqgħa mal-Ministru, l-istudenti ttieħdu lura lejn l-iskola tagħhom bi trasport provdut mill-Ministeru, akkumpanjati mill-Kap tal-Iskola.
Sadattant il-Ministeru jieħu din l-opportunita’ biex jiċħad kategorikament ix-xniegħa li din l-iskola se tingħalaq biex il-post jingħata bħala Ċentru għall-Immigranti.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990