diskors mill-onor. joe cassar, ministru għas-saĦĦa, l-anzjani u kura fil-komunita’ waqt premjazzjoni li saret fl-okkazjoni tax-xahar dedikat gĦall-gĦarfien dwar l-awtizmu - sta. venera – 26 april 2010
Madwar id-dinja, ix-xahar t’April huwa dedikat għall-għarfien tal-Awtiżmu. L-Awtiżmu hija kundizzjoni waħda fost oħrajn relatati, li flimkien jissejħu Autism Spectrum Disorders (ASDs).
Dawn huma kundizzjonijiet tal-iżvilupp li jaffetwaw il-mod ta’ kif dawn l-individwi jikkomunikaw u jġibu ruħhom man-nies. In-numru ta’ nies affetwati minn din il-kundizzjoni dejjem qed jiżdied, u bħalissa huwa stmat li wieħed minn kull mitt persuna għandha xi forma ta’ ASD. Għalhekk huwa importanti li nsiru nafu iktar fuq dawn il-kundizzjonijiet. Individwi li għandhom ASD għandhom sehem siewi x’jagħtu lis-soċjeta’, iżda kemm jistgħu jagħmlu dan, jiddependi fuq kemm in-nies ta’ madwarhom jifhmuhom u jaċċettawhom.
Id-Diviżjoni tas-Saħħa għandha mpenn biex tipprovdi l-aħjar servizz lill-pubbliku u d-Dipartiment tal-iSpeech-Language, li jagħmel parti minn din id-Diviżjoni, għandu rwol biex jipprovdi l-aħjar kura lil individwi li għandhom problema bil-komunikazzjoni.
Dan id-Dipartiment joffri gwida, dijanjozi, terapija, support, u informazzjoni biex jintlaħaq l-għan li jiġu identifikati diffikultajiet fil-komunikazzjoni u biex wieħed ikun jista jiddiżinja l-programmi ta’ terapija li huma neċessarji biex ngħinu mill-aħjar li nistgħu, individwi li jippreżentaw bi problema fil-komunikazzjoni. L-għan ewlieni tas-servizz tal-iSpeech-Language huwa biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni ta’ individwi li għandhom dawn il-kundizzjonijiet.
U allura, waqt dan ix-xahar, id-Dipartiment tal-iSpeech-Language, permezz tal-grupp tal-ASD, wera l-impenn tiegħu billi organiżża xahar ta’ attivitajiet biex jinħoloq iżjed għarfien tal-Awtiżmu f’pajjiżna. Bħala parti mill-kampanja, studenti tar-raba’ sena ta’ tlettax-il skola primarja ipparteċipaw fi quiz dwar din il-kundizzjoni. L-iskop tal-attivita’ kienet li dawn it-tfal jitgħallmu iktar dwar l-Awtiżmu u b’hekk ikunu iktar lesti li jaċċettaw u jinkludu lil tfal bil-kundizzjoni fl-iskola tagħhom. Barra minn dan il-quiz, sittax-il tifel u tifla Maltin li jesibixxu l-Awtiżmu, ingħaqdu ma’ tfal bl-Awtiżmu fl-Ingilterra u kemm il-Maltin u kemm l-Inglizi ħadu sehem fi quiz li serva biex ikun hemm iżjed għarfien tal-pajjiżi rispettivi.
Illum qegħdin hawnhekk biex nippremjaw ir-rebbieħa ta’ dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet. Naħseb li l-iskejjel u t-tfal li pparteċipaw jistħoqqilhom ċapċipa tal-interess tagħhom f’din l-attivita’.
Qabel ma nagħlaq nixtieq nieħu l-opportunita’ biex ninkoraġġixxi aktar żagħżagħ biex jagħmlu l-għażla tal-karriera tagħhom fis-settur tas-saħħa. Dawn iż-żagħżagħ li diġa’ għażlu l-karriera ta’ speech language pathologist se jkunu fuq quddiem nett fil-ħidma tal-Gvern biex intejjbu s-saħħa ta’ pajjiżna speċjalment fuq livell lokali. Grazzi.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990