It-torri tal-arloġġ f’idejn il-Kunsill Lokali Mtarfa
Is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi illum mexxa ċerimonja ta’ devoluzzjoni li permezz tagħha il-Gvern għadda it-torri tal-arloġġ tal-Imtarfa lill-kunsill lokali tal-istess lokalita’. Preżenti għal din id-devoluzzjoni li saret fl-okkazjoni ta’ Jum l-Imtarfa kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali Chris Said.
“Id-devoluzzjoni ta’ proprjeta’ pubblika lill-kunsilli lokali, u entitajiet oħra li għandhom għal qalbom il-ġid tal-lokalitajiet tagħna hija għodda utli u konkreta f’idejn il-Gvern biex iħaddem il-politika ta’ sussidjarjeta, u li permezz tagħha jinvesti fil-komunitajiet tagħna. Permezz tad-devoluzzjoni, inkomplu ndakkru sens ta’ appartenenza fl-ibliet u l-irħula tagħna, filwaqt li nindukraw il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna.” Dan qalu Jason Azzopardi waqt din l-attivita’ li permezz tagħha it-torri li nbena fl-1895 għadda f’idejn il-Kunsill Lokali biex ikunu jistgħu isirulu l-interventi ta’ restawr u manutenzjoni kollha li jineħtieġ u biex jibda’ jinfetaħ għat-tgawdija tal-pubbliku.
Jason Azzopardi qal li fl-aħħar xhur il-Gvern mexxa numru ta’ devoluzzjonijiet oħrajn bħal tal-lum, u li permezz tagħhom illum ir-residenti ta’ bosta lokalitajiet qed igawdu minn investimenti għaqlija frott l-entużjażmu u d-dedikazzjoni ta’ dik l-entita’, u l-impenn u l-viżjoni tal-Gvern li jagħraf il-potenzjal.
Chris Said faħħar il-Kunsill tal-Imtarfa li qed itella’ Jum l-Imtarfa għat-tieni darba u li qed tkun ta' suċċess kemm mar-residenti tal-Imtarfa kif ukoll man-nies minn lokalitajiet oħra u mat-turisti. Hu semma kif il-Kunsilli Lokali qegħdin jifhmu iktar il-kunċett tal-bżonn li jinvolvu iktar ir-residenti u dan qiegħed jintwera biċ-ċar bl-ammont ta’ residenti volontarji li qed jipparteċipaw biex jittellgħu dawn l-attivitajiet.
Chris Said tenna li kull ma jmur l-interess fl-organizzazzjoni ta' attivitajiet lokali kulturali qiegħed jiżdied. Fil-fatt din is-sena kien hemm 54 kunsill li qed jieħu sehem f’din l-iskema. Skema li l-għan ewlieni tagħha huwa li jiġu organizzati attivitajiet barra ix-xhur sajfin, jiġu rreklamati fuq Calendar of Events u fuq Is-sit elettroniku – www.visitmalta.com ħalli nassiguraw li f'kull weekend ikun hemm xi attivita' li wieħed jista’ jżur.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990