Left arrow Go Back

Għoti ta’ Journeyman’s Certificate lill-Apprendisti

PR0711
Date Icon 23/04/2010

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, x-Xogħol u l-Familja Dolores Cristina l-bieraħ qassmet ċertifikati lil 150 żagħżugħ u żaħżugħa li temmew b’suċċess skema ta’ apprendistat offruta mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ li din is-sena qed tiċċelebra l-20 anniversarju mit-twaqqif tagħha. 

F’diskors li għamlet il-Ministru Cristina qalet li l-istorja tal-apprendistat f’pajjiżna tista’ titqies bħala waħda ta’ suċċess.  Din hi sistema li permezz tagħha, żgħażagħ li jtemmu l-iskola sekondarja jingħataw opportunita’ li jiksbu esperjenza prattika ta’ xogħol waqt li jkomplu jistudjaw u b’hekk tkun faċilitata l-mixja tal-istudenti minn fuq il-bank tal-iskola għal fuq il-bank tax-xogħol. 

Skema ta’ apprendistat li ħadmet b’suċċess f’pajjiżna kienet dik offruta mit-Tarzna ta’ Malta fi żmien li din kienet għadha titmexxa minn barranin.  L-Apprendistat fit-Tarzna kien xi ħaġa li żgħażagħ li riedu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jitgħallmu xi sengħa bis-serjeta’ kienu jfittxu u jikkompetu għalih.  Minn dik l-iskema ta’ apprendistat ħarġu l-aqwa mgħallmin u nies tas-sena li ħadmu fit-tarzna u anke fl-industrja privata. 

Sa sentejn ilu, għalkemm mhux taħt skema ta’ apprendistat, studenti mill-Kulleġġ Santa Margerita kienu jingħataw l-opportunita’ li jagħmlu esperjenza ta’ xogħol fit-tarzna li kienet isservihom ħafna. 

Il-Ministru qalet li l-apprendistat hu fuqnett fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea. L-istrateġija Ewropea 2020 tidentifika tliet ħtiġijiet ewlenin għat-tisħiħ tal-ekonomija Ewropea fis-snin li ġejjin: tkabbir sostenibbli, tkabbir inklussiv u dik li qed tissejjaħ ‘smart growth’ u kontinwament tinsisti li trid iżżid ir-rata ta’ parteċipazzjoni fi skemi ta’ apprendistat li jrid ikun aktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ għax tqis li hu ċ-ċavetta biex wieħed jakkwista l-ħiliet meħtieġa u jżid il-prospetti għax-xogħol. 

Hi qalet li mat-twaqqif tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, mill-ewwel inħasset il-ħtieġa li l-Gvern jibda joffri skemi ta’ apprendistat lil dawk l-istudenti li juru x-xewqa li jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jkunu preparati għal dan. 

Għalhekk twaqqfu żewġ skemi ta’ Apprendistat, l-Extended Skills Training Scheme (ESTS) u t-Training Apprenticeship Scheme (TAS).  Iż-żewġ skemi mill-ewwel kienu popolari ma’ numru ta’ studenti.  Fil-fatt, fl-20 sena li ilha mwaqqfa l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, aktar minn 5,200 żagħżugħ u żagħżugħa, medja ta’ 250 fis-sena, gawdew minn dawn l-iskemi. 

Fl-aħħar snin l-iskemi ta’ Apprendistat saru aktar popolari għaliex dawk li jipparteċipaw fihom, ikunu ntitolati wkoll għal stipendju barra minn ħlas stabbilit mil-liġi li jsir minn dawk l-imprendituri li jagħżlu li joffru opportunitajiet lill-istudenti tagħna biex jagħmlu esperjenza ta’ xogħol magħhom. 

Il-vantaġġ ta’ dawn l-iskemi li filwaqt li qed jagħmlu esperjenza ta’ xogħol, l-istudenti jibqgħu jistudjaw ukoll fl-MCAST jew fl-ITS u allura jibqgħu jiksbu ħiliet akkademiċi u esperjenza ta’ xogħol fl-istess ħin. 

Il-Gvern hu determinat li jkompli jinvesti fl-istituti vokazzjonali biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jieħdu taħriġ bażiku biex imbagħad ikunu jistgħu jipperfezzjonaw dawn il-ħiliet fuq il-postijiet tax-xogħol.  

Nieħu pjaċir ninnota li min iħaddem ukoll qed jara l-vantaġġi li toffrilu din l-iskema.  Mhux biss permezz ta’ l-inċentivi li toffri l-Korporazzjoni għal dawk il-kumpanniji li jidħlu fl-iskema, imma wkoll għaliex fost l-apprendisti jista’ jsib il-ħaddiema li eventwalment joffrilhom impjieg permanenti fil-kumpannija tiegħu u meta dawn jibdew ix-xogħol proprju tagħhom ikunu diġa’ jafu x’inhu mistenni minnhom u ma għandux għalfejn joqgħod iħarriġhom mill-ġdid bi spiża għalih.  

Dolores Cristina qalet li nfurmata li l-parti l-kbira tal-imprendituri li jipparteċipaw f’din l-iskema huma kuntenti bl-impenn taż-żgħażagħ li jidħlu għal dan l-esperiment. Kultant ikun hemm uħud li ma jkunux motivati biżżejjed iżda fil-parti l-kbira tal-każi dan l-esperiment jirnexxi. 

Il-lum għandna madwar 700 żagħżugħ/a jipparteċipaw fi skemi ta’ apprendistat f’aktar minn 350 kumpannija mifruxin ma’ Malta u Għawdex.  Meta wieħed jiftakar li fl-1995 in-numru ta’ apprendisti kien biss ta’ 300, mill-ewwel jinduna bil-progress u s-suċċess ta’ dawn l-iskemi.

L-istudenti li gawdew minn skemi ta’ apprendistat spiċċaw imħarrġa fit-tiswija tal-ajruplani, fil-bini u l-kostruzzjoni, fit-teknoloġija tal-informatika, l-elettronika, it-tiswija tal-karrozzi, fis-snajja tat-tellar, plumbing, stampar, welding restawr u fit-tiswija ta’ sistemi ta’ arja kundizzjonata, fost snajja u ħiliet oħra. 

Il-Ministru ferħet liż-żgħażagħ u lill-familji tagħhom, u awguratilhom futur mill-isbaħ f’xogħol li jkun għal qalbhom u jagħtihom sodisfazzjon. 

Hi ħadet ukoll l-okkażżjoni biex tirringrazzja lill-għalliema li għenu lil dawn iż-żgħażagħ jiksbu wkoll ħiliet akkademiċi fil-perjodu tal-istudju tagħhom u lill-uffiċċjali tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ li segwewhom u ggwidawhom matul din il-mixja. 

Fuq kollox irringrazzjat lill-imprendituri li għarfu s-siwi ta’ dawn l-iskemi u kkooperaw mal-Korporazzjoni billi laqgħu għandhom żgħażagħ bil-għatx għat-tagħlim u appellatilhom biex ikunu ta’ eżempju u jħajru oħrajn fost sħabhom jidħlu għal dan l-impenn u b’hekk ikunu qed jgħinu liż-żgħażagħ tagħna, lilhom infushom u lill-pajjiż kollu kemm hu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow