STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR LAWRENCE GONZI DWAR IL-KUNSILL EWROPEW TAL-25 U S-26 TA’ MARZU U L-IŻVILUPPI DWAR IL-QAGĦDA FINANZJARJA FIL-GREĊJA
Mr Speaker,
Illejla nixtieq nirrapporta lill-Kamra dwar il-parteċipazzjoni tiegħi fl-aħħar Kunsill Ewropew li nżamm bejn il-25 u s-26 ta’ Marzu li għadda u l-iżviluppi fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-Greċja.
It-temi ewlenin li ddiskutejna bħala l-Kapijiet tal-Gvern tas-27 Pajjiż Membru fl-Unjoni Ewropeja kienu:
1. l-istrateġija Ewropea ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir: Ewropa 2020;
2. il-bdil fil-klima u s-stwazzjoni wara Kopenħagen.
I. STRATEĠIJA EWROPEA ĠDIDA GĦALL-IMPJIEGI U T-TKABBIR: EWROPA 2020
L-ewwel parti tal-Kunsill Ewropew kienet dedikata għal diskussjoni dwar l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-impjiegi u t-tkabbir. L-isfond makroekonomiku jafu kulħadd: il-kriżi ekonomika mondjali ta’ dawn l-aħħar sentejn tellfet ħafna mill-progress li sar fl-aħħar għaxar snin. Huwa minnu li hawn sinjali, anke f’pajjiżna, li s-sitwazzjoni qiegħda tirpilja. Madanakollu jonqos ħafna xogħol u hemm bżonn attenzjoni kbira għax pass ħażin ifisser ħsara kbira ħafna.
Din is-sitwazzjoni toffri wkoll opportunita` sabiex inkomplu bir-riformi strutturali għal rilanċ ekonomiku b’saħħtu u sostenibbli li jħares u jsaħħah il-qafas soċjali tagħna. Bħala Kapijiet tal-Gvern tal-Pajjiżi Membri fl-Unjoni Ewropea qbilna dwar ir-responsabilta` tagħna biex l-Ewropa u l-popli tagħna jimxu ‘l quddiem. Dan huwa l-iskop tal-istrateġija ġdida, Ewropa 2020, li għandha tiġi adottata formalment fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju li ġej.
Dinl-istrateġija hija bbażata fuq koordinazzjoni tal-linji ta’ politika ekonomika b’risq it-tkabbir ekonomiku u impjiegi. Jeħtieġ li l-isforzi ta’ kullħadd, l-Unjoni Ewropea, il-Pajjiżi Membri, l-iMsieħba Soċjali u ċ-ċittadini tagħna, jkunu ffokati aħjar sabiex tingħata spinta lill-kompetittività, il-produttività, lill-potenzjal ta’ tkabbir u lill-konverġenza ekonomika tal-Ewropa.
L-istrateġija Ewropa 2020 ser tiffoka fuq dawn l-erba’ oqsma li rridu naħdmu fuqhom:
| (i) | għarfien (knowledge) u innovazzjoni, |
| (ii) | ekonomija aktar sostenibbli, |
| (iii) | rata għolja ta’ impjiegi, u |
| (iv) | inklużjoni soċjali. |
F’dan ir-rigward dehrilna li għandna npoġġu miri fejn nqisu li għandna naslu. Dan l-eżerċizzju huwa pjuttost kumplikat minħabba li kull pajjiż għandu partikolarijiet tiegħu u għalhekk mhux faċli li wieħed jasal għal miri ambizzjużi iżda realistiċi li jgħoddu għal 27 pajjiż meta kull wieħed minnhom għandu storja, livell ta’ żvilupp u sitwazzjonijiet differenti. Madanakollu ntlaħaq qbil f’dan is-sens li ser nispjega:
| (i) | il-mira li r-rata tal-impjiegi għan-nisa u l-irġiel ta’ bejn l-20 u l-64 sena titla’ sa 75%. Nixtieq nirraporta lill-Kamra dwar il-posizzjoni ta’ Malta fuq dan il-punt waqt id-diskussjoni. Jiena spjegajt li employment rate ta’ 75% għall-Maltin u l-Għawdxin ta’ bejn l-20 u l-64 sena fiż-żmien stabbilit mhix realistika għal Malta, partikolarment minħabba ir-realtajiet storiċi li jeżistu fis-suq tax-xogħol tagħna għar-rigward tan-nisa. Kien hemm pajjiżi oħra li għamlu dan l-istess argument. Żidt pero` li l-impenn tal-Gvern Malti huwa li jkompli jaħdem ħalli jżid il-miżuri ta’ bilanċ mal-familja u b’hekk jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ aktar nisa fis-suq tax-xogħol. Dan joħroġ ċar mill-istatistika uffiċjali illi turi li fl-aħħar snin, ir-rata ta’ nisa fis-suq tax-xogħol żdiedet b’mod sinifikanti, iżjed milli żdiedet f’pajjiżi oħra u kollox jindika li dan ir-ritmu ser ikompli. Din l-istatistika turi li jekk jinżamm l-istess ritmu, Malta ser tkun mal-mira Ewropea għar-rigward tan-nisa taħt il-35 sena. Madankollu, ir-realtajiet demografiċi u soċjali ifissru li din il-mira mhix realistika għal etajiet akbar; |
| (ii) | titjib fil-kondizzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp, |
| (iii) | tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20% meta mqabbla mal-livelli tal-1990; li l-proporzjon ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum totali tal-enerġija jitla’ għal 20%; |
| (iv) | titjib fil-livelli tal-edukazzjoni, b’mod partikolari billi wieħed jimmira li jnaqqas ir-rata ta’ persuni li joħorġu kmieni mill-iskola u billi jiżdied il-proporzjon tal-popolazzjoni li jikseb livell ta’ edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti. Nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nispjega xi jfisser persuni li joħorġu kmieni mill-iskola (early school leavers) fl-istatistika tal-Unjoni Ewropea. Early school leaver mhux persuna li titlaq mill-iskola qabel tagħlaq is-sittax-il sena, iżda huwa persuna ta’ bejn it-18 u l-24 sena li m’għandux kwalifika terzjarja u li mhux f’programm ta’ edukazzjoni jew taħriġ. |
| (v) | li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, b’mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar. |
Kif diġa’ indikajt, l-iżvilupp ta’ indikaturi huwa pjuttost kumplikat u għalhekk f’Ġunju li ġej ser nerġgħu niddiskutu din il-kwistjoni fil-waqt li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq indikaturi adatti. Qbilna wkoll li l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ effiċjenti huwa fundamentali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija. Għalhekk, il-Kunsill Ewropew, darba fis-sena, ser iwettaq valutazzjoni ġenerali tal-progress miksub kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. Ma’ dan ser ikun hemm ukoll dibattiti fuq bażi regolari fil-Kunsill dwar il-prioritajiet ewlenin li għadni kemm indikajt, per eżempju f’Ottubru ser niddiskutu ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-waqt li kmieni fl-2011 ser niddiskutu l-politika dwar l-enerġija.
II. TIBDIL FIL-KLIMA: WARA KOPENĦAGEN
Il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa li ftehim legali globali u komprensiv jibqa’ l-uniku mod effettiv biex jintlaħaq l-objettiv li ż-żieda fit-temperaturi globali ma tkunx iżjed minn 2°C meta mqabbla mal-livelli pre-industrijali. Wara r-riżultat diżappuntanti tal-Konferenza ta’ Kopenħagen jidher li hemm bżonn dinamika ġdida fil-proċess ta’ negozjar internazzjonali.
Il-preferenza hija favur approċċ gradwali, li jibni fuq il-Qbil ta’ Kopenħagen, li għandu jiġi implimentat b’mod rapidu. Il-passi identifikati kienu:
| (i) | il-laqgħat li jmiss f’Bonn għandhom jistabbilixxu l-pjan direzzjonali biex jitmexxew ‘il quddiem in-negozjati; u |
| (ii) | il-COP-16 f’Cancun għandha mill-inqas tipprovdi deċiżjonijiet konkreti li jorbtu fis-sod il-Qbil ta’ Kopenħagen mal-proċess ta’ negozjar tan-NU u jindirizzaw in-nuqqasijiet li fadal. |
Is-sehem tal-UE huwa ċar: l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri ser jipprovdu 2,4 biljun ewro kull sena tul il-perijodu 2010-2012 għal finanzjament rapidu fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Qbil ta’ Kopenħagen. Ser jibdew il-konsultazzjonijiet dwar metodi prattiċi għall-implimentazzjoni ta’ finanzjament rapidu f’oqsma speċifiċi. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri ser jippreżentaw deskrizzjoni preliminari tas-sitwazzjoni attwali tal-impenji tagħhom fis-sessjoni ta’ Mejju/Ġunju 2010 tal-UNFCC u jippreżentaw rapporti koordinati dwar l-implimentazzjoni f’Cancun u wara dan fuq bażi annwali. Ma’ dan, l-Unjoni Ewropea u pajjiżi żviluppati oħra impenjaw ruħhom biex flimkien jimmobilizzaw 100 biljun Dollaru Amerikan kull sena sal-2020 biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
III. IL-QAGĦDA FINANZJARJA TAL-GREĊJA
Il-qagħda finanzjarja kienet diskussa kemm fil-Kunsill Ewropew kif ukoll fost il-Kapijiet ta’ Gvern tal-pajjiżi li għandhom l-ewro bħala l-munita tagħhom. Wara diskussjoni, ġie approvat qafas ta’ sostenn finanzjarju bl-iskop illi titħares l-istabbilità taż-żona tal-ewro u dikjarazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif nafu lkoll is-sitwazzjoni kompliet tiżviluppa u għalhekk ser ngħaddi biex nispjega il-qagħda bħalissa.
Nhar il-Ħadd, 11 t’April 2010, il-Ministri tal-Finanzi taż-żona tal-ewro qablu dwar il-metodu ta’ kif għandha tingħata l-ghajnuna lill-Greċja, jekk tkun meħtieġa, u jekk tintalab mill-Greċja. Il-pakkett maqbul fih dawn l-elementi:
| (i) | l-appoġġ finanzjarju, jekk jintalab u jkun meħtieġ, se jingħata f’forma ta’ pakkett maqbul bejn il-Pajjiżi Membri fiż-żona tal-ewro u l-Fond Monetarju Internazzjonali; |
| (ii) | il-Pajjiżi Membri fiż-żona tal-ewro qablu illi, jekk ikun hemm bżonn u jekk jintalbu mill-Greċja, jagħtu self fuq bażi bilaterali lill-Greċja. Il-Kummissjoni Ewropea tikkordina u tikkonsolida dan is-self. |
| (iii) | Minn nhar it-Tnejn, 12 t’April 2010, il-Kumissjoni Ewropea flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali, bdew jaħdmu mal-awtoritajiet Griegi sabiex jitfassal pakkett t’għajnuna lill-Greċja li jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin. Dan il-pakkett għandu jinkludi għadd ta’ kundizzjonijiet li l-Greċja tkun mistennija toqgħod għalihom; |
| (iv) | il-Gvernijiet tal-pajjiżi membri fiż-żona tal-ewro ntalbu sabiex jagħmlu l-preparamenti kollha sabiex, jekk jinqala’ l-bżonn, jagħtu s-self mitlub minnhom lill-Greċja. F’dan il-kuntest, il-Gvern Malti diġa qiegħed jara x’hemm bżonn isir sabiex jilqa’ għal din l-eventwalità; |
| (v) | għal din is-sena, l-pajjiżi taż-żona tal-ewro qablu li jpoġġu s-somma ta’ 30 biljun ewro għad-dispożizzjoni tal-Greċja. Dan l-ammont ma jinkludix l-ammont li, jekk ikun hemm bżonn, jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Greċja mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Jekk issir talba mill-Greċja, il-pakkett maqbul bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-IMF u l-Grecja, irid jigi approvat mill-Pajjizi Membri taz-zona tal-ewro; |
| (vi) | kull self li jista’ jingħata lill-Greċja mhux se jingħata b’rati ta’ imgħax issussidjati. Anzi, l-ewwel priorità hija li l-Greċja takkwista l-finanzjament li għandha bżonn mis-swieq finanzjarji. |
Is-self li Malta tkun mistennija tagħti lill-Greċja se tkun proporzjonata għas-sehem li Malta għandha fil-Bank Ċentrali Ewropew. Il-metodu ta’ kif is-self u l-imgħax fuqu se jinħadmu se jassiguraw li l-ebda pajjiż m’hu se jerfa’ piżijiet finanzjarji li mhumiex tiegħu. Għaldaqstant, jekk pajjiżna jgħaddi somma b’self lill-Greċja, aħna mhu ser nerfgħu l-ebda piżijiet finanzjari għal dan is-self. Kull dejn li pajjiż fiż-żona tal-ewro jista’ jagħmel sabiex jgħin lill-Greċja mhux se jitqies bħala żieda mad-dejn tal-pajjiż għal fini tat-Trattat ta’ Stabilità u Tkabbir.
L-Erbgha, 15 t’April 2010, il-Ministru tal-Finanzi Grieg formalment talab sabiex jinfethu d-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Bank Centrali Ewropew u mal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar programm t’ghajnuna ekonomika li jkun sostnut minn ghajnuna finanzjarja mill-pajjizi membri taz-zona tal-ewro u l-Fond Monetarju Nternazzjonali.
S’issa l-Greċja ma talbet l-ebda għajnuna finanzjarja sabiex tindirizza l-problemi li qiegħda tiffaċċja.
Dan huwa turija tanġibbli ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi fiż-żona tal-ewro fil-waqt li jsostni l-istabbilità ekonomika u finanzjarja ta’ din iż-żona u allura jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-ġid. Dan il-pass jixhed illi s-sħubija fiż-żona tal-ewro tagħti lill-pajjiż membru aktar stabilità ekonomika u finanzjarju u l-komfort ta’ għajnuna tanġibbli f’każ ta’ bżonn.
Mr Speaker,
Ninsabu fi żmien li għandu kemm l-isfidi kif ukoll l-opportunitajiet tiegħu. L-għaqal, ir-resposabilità, u nżid ngħid il-kuraġġ, għandhom jispirawna u jiggwidawna fil-ħidma tagħna sabiex inkomplu naħdmu b’risq il-poplu tagħna. Kif qed naraw, l-isfidi huma sinifikanti, iċ-ċirkostanzi qed jinbidlu kontinwament imma l-opportunitajiet huma akbar. Ninsab konvint li flimkien kapaċi nkomplu nimxu ‘l quddiem fil-bini ta’ soċjetà fejn kulħadd ikun jista’ jiżviluppa il-ħiliet tiegħu, jagħti l-kontribut tiegħu u jgħix ħajja li tixraq lid-dinjità tiegħu u tagħha.
...+pr0674a, ...+pr0674b
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990